-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
8 ta’ Ottubru 2019“Tassew li Alla se jgħammar fuq l-art?” Din id-domanda li smajna fl-ewwel qari mill-Ktieb tas-Slaten għamilha Salamun wieqaf quddiem l-artal tal-Mulej bil-ġemgħa ta’ Iżrael quddiemu. Hu kien bena t-tempju tal-Mulej, u beda juri s-stagħġib tiegħu kif Alla, li l-art u s-smewwiet ma jesgħuhx, se jgħammar fid-dar li bena hu.
Għażel li jkun qrib tagħna
Hija l-istess domanda li nagħmlu aħna meta nidħlu fil-Katidral sabiħ tagħna, u nammiraw ukoll l-opri artistiċi li fih – bħalma għadna kif għamilna bl-inawgurazzjoni tax-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-pittura tan-nawfraġju ta’ San Pawl fl-apside. Hu post sabiħ iddedikat lil Alla, u din hi l-festa qed nagħmlu llum – tad-dedikazzjoni ta’ din il-knisja lil Alla. Imma tassew li Alla se jgħammar f’din il-knisja?
Ir-risposta tahielna Ġesù meta sar bniedem fostna. Hu, li d-dinja ma tesgħux, għażel li jsir wieħed minna bl-iktar mod fqajjar. Għamel għażla radikali, għax għażel post li t-titlu tiegħu kien għar. Bl-inkarnazzjoni tiegħu Ġesù daħal fil-qalba tal-istorja tal-bniedem, u ħaddan lill-bniedem u lill-ħajja tiegħu. Meta mbagħad waqqaf l-Ewkaristija, ħallielna l-preżenza reali tiegħu biex ikun tassew qrib tagħna, Alla magħna.
Kemm hi għażiża d-dar tiegħek
Għalhekk, ir-risposta għad-domanda ta’ Salamun hi: Iva, Alla qed jgħammar f’din il-knisja. Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan il-post iddedikat lilu. Kif għedna fis-Salm: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej!” Mhux aħna li nqaddsu dan il-post, imma hi l-preżenza tiegħu li tagħmel dan il-post qaddis. Il-preżenza tiegħu hi preżenza li ġġib is-salvazzjoni. Kif smajna lil Ġesù jgħid lil Żakkew fl-Evanġelju skont San Luqa: “Illum lil din id-dar ġietha s-salvazzjoni.”
Aħna niġu fil-knisja biex niltaqgħu ma’ Ġesù l-Mulej, biex inħalluh iħares lejna u jimliena bl-imħabba u bil-paċi tiegħu u biex nisimgħu l-Kelma tiegħu li tagħtina l-ħajja. Niġu biex infaħħruh u nirringrazzjawh, u biex inressqulu wkoll it-talbiet ħerqana li nagħmlulu minn qalbna għax nafu li jismagħna. Kull meta ngħixu din l-esperjenza sabiħa, naraw kemm hu veru l-kliem li tlabna fis-Salm: “Ħenjin dawk li jgħammru f’darek, huma jfaħħruk għal dejjem… Jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor.”
Aħna ma niġux il-knisja biex b’xi mod nippruvaw nimmanipulaw lill-Mulej u qisu nġibu lilu jaqbel magħna. Niġu biex niftħu qalbna għalih u nħalluh jurina t-triq it-tajba li taqbel tassew għal ħajjitna u li tagħmlilna l-ġid.
Ninbnew fi Knisja waħda
Dan il-Kattidral hu l-post speċjali fejn aħna li niġu nqimu lil Alla niftakru li aħna Knisja waħda, b’ragħaj wieħed li l-Mulej għażel biex imexxina u li għandu s-sede tiegħu f’dan il-post. Il-bini jgħinna niftakru li aħna lkoll imsejħa biex inkunu ġebel ħaj fil-Knisja, biex nagħtu sehemna b’mod responsabbli fil-ħajja tal-Knisja f’Malta. Il-Knisja hi l-familja tagħna u aħna membri ta’ din il-familja li hi sabiħa imma fl-istess waqt dejjem fi bżonn ta’ purifikazzjoni.
Ngħixu dak li niċċelebraw
Meta aħna niltaqgħu f’dan il-Katidral, għandna nagħrfu dejjem aktar u aħjar il-missjoni kbira li l-Mulej fdalna f’idejna. Hu ma sejħilniex biex ningħalqu, biex nibqgħu kuntenti bejn erba’ ħitan, biex ngħaddu ħajjitna nitgħaxxqu bina nfusna. Hu sejħilna biex noħorġu ’l barra ħalli qabel xejn ngħixu dak li niċċelebraw hawn. Żakkew, permezz tal-laqgħa ma’ Ġesù, ħa impenn li jibda jgħix b’mod onest, li jpatti għad-deni li għamel, u li jaħseb fil-fqar. L-impenn tagħna soċjali għandu jkun frott sabiħ tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fil-Knisja.
Inkomplu l-missjoni ta’ Pawlu
Ġesù jsejħilna wkoll biex inxandru l-Bxara t-Tajba lill-oħrajn b’ħeġġa u b’entużjażmu. It-titular ta’ dan il-Katidral jurina l-bidla li seħħet f’Pawlu meta ltaqa’ ma’ Kristu ħaj u fehem li qed isejjaħlu biex jiddedika l-enerġija kollha tiegħu ħalli jxandru lill-popli; u l-pittura ta’ Mattia Preti li llum inawgurajna r-restawr tagħha, turi kif Pawlu qeda din il-missjoni li fdalu l-Mulej u li ġabitu providenzjalment f’Malta permezz tan-nawfragju tal-ġifen li kien qed iġorru lejn Ruma.
Dak hu l-iskop ta’ kull knisja, aktar u aktar tal-Katidral. Kull darba li niġu hawn, il-Mulej jagħtina missjoni biex aħna nwassluh lill-oħrajn ’il barra mill-knisja. Bl-istess ħerqa li kellu Ġesù li jasal għand nies li kellhom biss xrara żgħira bħal Żakkew minn fuq is-siġra, li jsejjaħ lil dawk li kienu fil-periferiji, hekk aħna wkoll ngħinu lill-oħrajn biex jiltaqgħu ma’ Ġesù ħalli jistgħu jgawdu wkoll mis-salvazzjoni tiegħu.
Nitolbu llum, fil-festa tad-dedikazzjoni tal-Katidral, li l-Mulej jagħtina l-grazzja li niltaqgħu miegħu hawnhekk fil-knisja, li jimliena bl-imħabba tiegħu, li jgħinna nkunu ġebel ħaj fil-Knisja tiegħu f’Malta, u jagħmilna bħal Pawlu xhieda tiegħu u ħabbara tal-Bxara t-tajba fis-soċjetà ta’ żmienna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-