L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-vara sabiħa ta’ San Ġużepp Ħaddiem li hawn f’din il-parroċċa, li s-sena d-dieħla jaħbat il-50 sena minn meta waslet u ħarġet l-ewwel darba fil-purċissjoni, hi vara unika fost il-vari titulari ta’ pajjiżna għax hi l-unika waħda li turi lil San Ġużepp bħala ħaddiem. Meta tħares lejha, tinduna li diġà hemm messaġġ importanti ħafna għalina, għall-ħajja tagħna. Nixtieq li nħares biss lejn dettall partikulari ta’ din il-vara – iż-żewġ idejn ta’ San Ġużepp, par idejn bieżla, li juruk diġà min-naħa San Ġużepp li hu l-missier putattiv ta’ Ġesù, u min-naħa l-oħra San Ġużepp mastrudaxxa, San Ġużepp ħaddiem.
L-id fuq l-ispalla ta’ Ġesù
Ħa nħarsu l-ewwel lejn l-id li qiegħda sserraħ fuq l-ispalla ta’ Ġesù. Hemmhekk għandna l-vokazzjoni li kellu San Ġużepp li jħares, jieħu ħsieb lil Ġesù. Qed jagħmel dan b’ħafna mħabba, b’ħafna għożża, qed jindokra lil Ġesù. Il-Papa Franġisku f’talba li ngħidu aktar tard dalgħodu jsejjaħlu “il-ħarries tal-feddej”. Dejjem ipproteġieh lil Ġesù, sa minn qabel twieled, sa minn meta kien għadu fil-ġuf ta’ Marija. Niftakru dik il-ġrajja meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, kif se jkollha tarbija, u għalhekk hu ħaseb mod kif hi titlaq bil-kwiet; isalva l-ħajja tagħha u jsalva wkoll il-ħajja ta’ Ġesù li kien diġà tnissel fil-ġuf. Hekk baqa’ dejjem, iħarsu lil Ġesù. Imma l-id li tindokrah mhijiex l-id li żżommu għalih, anzi San Ġużepp kien dak li jinkoraġġih biex jikber, jissaħħaħ fil-għerf u fil-grazzja, u biex ikompli fil-missjoni tiegħu. Dak hu San Ġużepp fil-familja.
L-id li żżomm il-fallakka
L-id l-oħra hi l-id li qed iżżomm il-fallakka, li tfakkarna li San Ġużepp hu mastrudaxxa, ħaddiem, li bix-xogħol tiegħu kien jgħajjex il-familja. Kellu ħidma mill-iktar ordinarja, imma b’dil-ħidma, għax għamilha bi mħabba, għax għamilha b’responsabbiltà, għen lill-familja permezz tax-xogħol tiegħu. Fil-vara, naraw ukoll lil Ġesù qed iżomm f’id waħda mazza u idu l-oħra mal-fallakka biex jurina li San Ġużepp ħadem, imma wkoll għadda s-sengħa tiegħu lil Ġesù, għenu jikber f’din il-ħidma. Il-Papa Franġisku, fl-Ittra Appostolika tiegħu B’Qalb ta’ Missier (nru 23) jgħid hekk: “San Ġużepp kien mastrudaxxa li ħadem b’mod onest biex jiżgura l-għajxien tal-familja tiegħu. Mingħandu Ġesù tgħallem il-valur, id-dinjità u l-ferħ ta’ xi jfisser tiekol il-ħobż frott l-għaraq ta’ ġbinek”.
San Ġużepp kellu wkoll l-iebes fil-ħajja. F’mument minnhom, kellu jieqaf mix-xogħol biex jaħrab bħala refuġjat flimkien mal-familja tiegħu. Ifakkarna kemm għandna naħsbu aħna f’dawk in-nies li jiltaqgħu mat-tbatija minħabba diversi ċirkustanzi tax-xogħol.
Xogħol li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem
Il-Papa Franġisku jfakkarna kemm għandna naħdmu biex ix-xogħol jkun xogħol li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem. Permezz tax-xogħol aħna għandu jkollna l-opportunità li niżviluppaw il-potenzjalitajiet u l-kwalitajiet tagħna, għall-ġid u għas-servizz tas-soċjetà. Permezz tax-xogħol, tiżviluppa wkoll il-familja tagħna. Permezz tax-xogħol, meta magħmul tajjeb, b’responsabbiltà, aħna nissieħbu ma’ Alla l-ħallieq, kif rajna fil-Ktieb tal-Ġenesi, għax aħna wkoll inkunu qed noħolqu jekk dak li nagħmlu jkun tassew ta’ ġid għas-soċjetà. Għalhekk il-Papa Franġisku jsejħilna biex naħdmu ħalli x-xogħol ikun jirrispetta d-dinjità tal-bniedem. Kull tip ta’ xogħol li jkun hekk hu importanti, m’hemmx dak ikbar mill-ieħor quddiem Alla. Jekk taqdi d-dmirijiet tiegħek tajjeb, kif għamel San Ġużepp bi mħabba u għall-ġid tal-oħrajn, dak hu kbir quddiem Alla. Alla ma joqgħodx iħares lejn id-distinzjonijiet li kultant nagħmlu aħna, ma jimpressjonawhx dawn, imma jara kemm tassew naqdu d-dmirijiet tagħna bl-imħabba.
L-iebes tal-ħajja
San Ġużepp kellu wkoll l-iebes fil-ħajja. F’mument minnhom, kellu jieqaf mix-xogħol biex jaħrab bħala refuġjat flimkien mal-familja tiegħu. Ifakkarna kemm għandna naħsbu aħna f’dawk in-nies li jiltaqgħu mat-tbatija minħabba diversi ċirkustanzi tax-xogħol. Aħna nafu din is-sena li għaddiet, u għadna fiha l-pandemija, kemm affettwat b’mod ikrah lil diversi ħaddiema u postijiet tax-xogħol, ħarbtet postijiet tax-xogħol. Għalhekk hemm bżonn li naħsbu f’dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba jew nuqqas ta’ xogħol jew għax tħarbtet is-sistema tagħhom ta’ xogħol minħabba l-pandemija.
San Ġużepp iħarisna
Ejjew nitolbu lil San Ġużepp, aħna u nħarsu lejn din il-vara speċjalment meta narawh jgħaqqad flimkien ir-responsabbiltà fil-familja u r-responsabbiltà fuq ix-xogħol, nitolbuh biex aħna wkoll nieħdu din l-ispirazzjoni tiegħu. Naħdmu ħalli l-ħidma tagħna nagħmluha bi mħabba u għall-glorja ta’ Alla, kif kien jagħmlu hu x-xogħol, u li ngħaqqdu flimkien ir-responsabbiltajiet fil-familja u fix-xogħol. Nitolbuh speċjalment biex iħares lill-familji tagħna, lil din il-parroċċa għażiża ddedikata lilu, lill-ħaddiema Maltin kollha, u jgħinna biex aħna bħalu naħdmu b’responsabbiltà, b’onestà, għall-ġid tal-oħrajn, u naħdmu wkoll biex ix-xogħol ikun dejjem jirrispetta d-dinjità tal-bniedem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju