Ritratt: Vatican Media

Il-Messaġġ tal-Papa Ljun XIV

Għeżież ħuti,

Xi jiem ilu, bir-Rit tal-Irmied, tajna bidu għall-mixja tar-Randan. Ir-Randan hu żmien liturġiku intens, li joffrilna l-okkażjoni li niskopru mill-ġdid l-għana tal-Magħmudija tagħna, biex ngħixu bħala ħlejjaq għalkollox imġedda grazzi għall-inkarnazzjoni, għall-mewt u għall-qawmien ta’ Ġesù.

L-Ewwel Qari u l-Vanġelu, li għadna kif smajna, fi djalogu bejniethom jgħinuna niskopru mill-ġdid proprju d-don tal-Magħmudija bħala grazzja li tiltaqa’ mal-libertà tagħna. Ir-rakkont tal-Ġenesi jeħodna lura għall-kundizzjoni tagħna ta’ ħlejjaq, imġarrba mhux tant minn projbizzjoni, kif spiss hemm min jaħseb, imma minn possibbiltà: il-possibbiltà ta’ relazzjoni. Għalhekk il-bniedem huwa liberu li jagħraf u jilqa’ lill-ieħor li hu l-Ħallieq, li wkoll jagħraf u jilqa’ lill-oħrajn li huma l-ħlejjaq. Biex ma jħallix dan jiġri, is-serpent jinsinwa l-preżunzjoni li kull differenza bejn il-ħlejjaq u l-Ħallieq tista’ tinġab fix-xejn, u jisseduċi lir-raġel u lill-mara bl-illużjoni li jsiru bħal Alla. Satana jwassalhom biex jagħmlu tagħhom xi ħaġa li – hekk jgħid – Alla ried iċaħħadhom minnha biex iżommhom dejjem fi stat ta’ inferjorità. Dan l-affresk tal-Ġenesi hu kapulavur li baqa’ ma ġiex issuperat u li jirrappreżenta d-dramma tal-libertà.

Ritratt: Vatican Media

Il-Vanġelu donnu jwieġeb għal din id-dilemma antika: nista’ nirrealizza ħajti fil-milja tagħha billi ngħid “iva” lil Alla? Jew, biex inkun ħieles u hieni, irrid neħles minnu?

Ix-xena tat-tentazzjonijiet ta’ Kristu, fl-aħħar mill-aħħar, taffronta din il-mistoqsija drammatika. Hi twassalna biex niskopru l-umanità vera ta’ Ġesù li, kif tgħallimna l-Kostituzzjoni konċiljari Gaudium et spes, tirrivela lill-bniedem lilu nnifsu: “Il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem” (GS, 22). Fil-fatt nilmħu lill-Iben ta’ Alla li, waqt li jeħodha kontra l-attakki tal-Avversarju tal-qedem, jurina l-bniedem il-ġdid, il-bniedem ħieles, epifanija tal-libertà li sseħħ billi jgħid “iva” lil Alla.

Din l-umanità ġdida titnissel mill-Fonti tal-Magħmudija. U allura – speċjalment f’dan iż-Żmien tar-Randan – aħna msejħin niskopru mill-ġdid il-grazzja tal-Magħmudija, bħala għajn ta’ ħajja li tgħammar fina u li, b’mod dinamiku, isseħibna fl-aktar rispett assolut tal-libertà tagħna.

Qabelxejn huwa s-Sagrament stess li hu dinamiku, għax dak li joffri ma jintemmx fi ħdan l-ispazju u l-ħin tar-rit, imma hu grazzja li ssieħeb kontinwament il-ħajja kollha, twieżen il-mixja tagħna wara Kristu. Imma l-Magħmudija hi dinamika wkoll għax tqegħidna dejjem mill-ġdid f’mixja, ladarba l-grazzja hija leħen interjuri li jħeġġiġna biex nitwaħħdu ma’ Kristu, u jeħles il-libertà tagħna biex din issib il-milja tagħha fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Ritratt: Vatican Media

Hekk nifhmu n-natura relazzjonali tal-Magħmudija, li ssejħilna ngħixu l-ħbiberija ma’ Ġesù u, hekk, nidħlu fil-komunjoni tiegħu mal-Missier. Din ir-relazzjoni mimlija grazzja tagħmilna kapaċi ngħixu wkoll qrubija awtentika mal-oħrajn, libertà li – b’differenza minn dak li x-xitan jipproponi lil Ġesù – mhix tiftixa tal-poter tagħna, imma mħabba li tingħata u li tagħmilna lkoll aħwa. Fil-fatt San Pawl jafferma: “Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28).

Ħuti, il-Papa Ljun XIII talab lil San Ġwann Bosco jibni proprju hawn il-knisja li fiha ninsabu llum. Hu kien ħass iċ-ċentralità ta’ dan il-post qrib Stazione Termini u f’salib it-toroq uniku tal-belt, iddestinat li maż-żmien isir iktar importanti.

Għalhekk, għeżież, jiena u niltaqa’ magħkom illum nilmaħ fikom bażi speċjali ta’ qrubija qalb l-isfidi ta’ dan it-territorju. Fil-fatt hawn diversi żgħażagħ universitarji, dawk li jiġu u jmorru għal raġunijiet ta’ xogħol, l-immigranti jfittxu mpjieg, iż-żgħażagħ rifuġjati li sabu fis-sede ta’ hawn, b’inizjattiva tas-Salesjani, il-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ oħrajn Taljani tamparhom u jwettqu proġetti ta’ integrazzjoni; u mbagħad hemm ħutna li ma għandhomx dar u li jsibu min jilqagħhom fl-ispazji tal-Caritas ta’ Via Marsala. Fi ftit metri wieħed jista’ jmiss il-kontradizzjonijiet ta’ żmienna: in-nuqqas ta’ ħsieb ta’ min jitlaq u jasal bil-kumditajiet kollha, u dawk li ma għandhomx saqaf fuq rashom; il-ħafna potenzjalitajiet ta’ ġid, u vjolenza rampanti; ix-xewqa li wieħed jaħdem onestament, u l-kummerċ illeċitu tad-drogi u tal-prostituzzjoni.

Ritratt: Vatican Media

Il-parroċċa tagħkom hi msejħa terfa’ dawn ir-realtajiet, u ssir ħmira tal-Vanġelu fl-għaġna tat-territorju, biex issir sinjal ta’ qrubija u ta’ karità. Nirringrazzja lis-Salesjani għall-opra bla waqfien li qed iwettqu ta’ kuljum, u nħeġġeġ lil kulħadd biex tkomplu tkunu proprju hawn xrara ċkejkna ta’ dawl u ta’ tama.

Marija Awżiljatriċi twieżen dejjem il-mixja tagħna, issaħħaħna fil-mument tat-tentazzjoni u tal-prova, biex ngħixu b’mod sħiħ il-libertà u l-fraternità ta’ wlied Alla.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard