• L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi mexxa Quddiesa fil-knisja tal-Forzi Armati ta’ Malta li tinsab ġewwa l-Barracks ta’ Ħal Luqa, għal ruħ il-membri mejtin tal-Forzi Armati, b’mod partikolari għal min miet matul is-sena li għaddiet. Mal-Isqof ikkonċelebraw Dun Joe Meli, iċ-Chaplain tal-Forzi Armati ta’ Malta, u Dun Anton Farrugia OFM li fl-aħħar tal-Quddiesa rregala pittura tal-Beatu Nazju Falzon, li ħadem mill-qrib mas-suldati fi żmienu.

    Għall-Quddiesa kien hemm preżenti l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi, fizzjali u rappreżentanti ta’ membri minn kull taqsima tal-Forzi Armati. Il-Quddiesa kienet animata mill-banda tal-Forzi Armati.

    Wara l-Quddiesa saret ċerimonja qasira fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata fuq l-oqbra tas-suldati tal-Forzi Armati. Flimkien mat-talba għal dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, l-Isqof Awziljarju wera l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għall-ħidma tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u għas-servizz b’dedikazzjoni li jagħti ċ-Chaplain tal-Forzi Armati, Dun Joe Meli.

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti