L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kien falliment għal Ġesù dan il-jum meta mar fis-sinagoga ta’ Nażaret? Uħud jaraw f’din l-esperjenza falliment.
Hawnhekk f’San Luqa Ġesù jmur fis-sinagoga wara l-episodu tat-tentazzjonijiet, jiġifieri pjuttost fil-bidu tal-ministeru tiegħu. Innutaw x’jiġri. Fil-bidu, meta jaqra dik is-silta mill-Profeta Iżaija u jibda jitkellem, ir-rakkont jgħid li “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu”. Kellu akkoljenza sabiħa; sa dak il-ħin kien sejjer tajjeb. Imma mbagħad, meta jkompli jfisser aktar, u speċjalment ifisser kif Alla ġie għal kulħadd u ħadd ma għandu jkun eskluż, lejn l-aħħar tar-rakkont naqraw li “kulħadd imtela bil-korla”, ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fix-xifer ta’ rdum biex jitfgħuh minn hemm fuq għal isfel.
Dawn l-istess nies. X’qal Ġesù li rrabjahom daqshekk lil dawn in-nies biex riedu joqtluh? Kien falliment għalih meta mar fis-sinagoga u tkellem man-nies hemmhekk? Kien dan diġà ħjiel ta’ dak li kellu jseħħ ’il quddiem meta jsallbuh ’il barra mill-belt? Hawn ħelisha ħafif, għax żgiċċa, imma ’l quddiem kellu jispiċċa msallab.
Din mistoqsija li tajjeb nistaqsuha. Turina x’inhu s-suċċess u x’inhu l-falliment għal Ġesù. Għax Ġesù qatt ma kien ifittex is-suċċess fil-folla li timxi warajh, fil-popolarità, f’kemm nies jaċċettawh, fil-kunsens tan-nies – Ġesù qatt ma fittex is-suċċess hemm. Allura ma kienx falliment jekk ikun hemm min ma jaċċettahx bħalma ġara ħafna drabi fil-ħajja tiegħu. Imma s-suċċess għal Ġesù kien fil-fedeltà – fil-fedeltà lejn il-missjoni li l-Missier fdalu f’idejh. Hawn jispjega x’inhi l-missjoni, meta jgħid li ġie jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, il-bxara t-tajba lill-fqajrin, id-dawl lill-għomja, il-ħelsien lill-maħqurin, u jniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej. Hi l-fedeltà lejn din il-missjoni, li Ġesù fisser li hi missjoni għal kulħadd, u Ġesù baqa’ fidil sal-aħħar f’din il-missjoni. Fil-ħajja tiegħu, kien hemm min mexa warajh, min kien kontrih, imma mhux dak kien il-kejl tas-suċċess tiegħu, imma kemm hu baqa’ fidil lejn il-missjoni li l-Missier tah.
Fil-fatt hemm xebh bejn dan li jiġri fis-sinagoga hawnhekk u dak li jiġri lejn l-aħħar tal-ħajja tiegħu. Innutaw il-qari tal-Passjoni: nibdewh bl-“Osanna”, in-nies jgħidulu “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej”, kulħadd ixejjirlu; u ftit wara, forsi ma kinux l-istess nies, imma n-nies li kien hemm għajtu “sallbu”. Ġesù wera kif bil-fedeltà tiegħu bidel is-salib minn l-akbar falliment fl-għajnejn tan-nies għal suċċess assolut fl-għajnejn ta’ Alla.
Ġesù qatt ma kien ifittex is-suċċess fil-folla li timxi warajh … Imma s-suċċess għal Ġesù kien fil-fedeltà – fil-fedeltà lejn il-missjoni li l-Missier fdalu f’idejh.
X’jurina dan għall-ħajja tagħna? Jurina li aħna wkoll li mexjin warajh għandna nieħdu l-kejl tagħna ta’ falliment jew suċċess fid-dawl tiegħu. Din tgħodd għalina personali u tgħodd ukoll għall-Knisja. Il-Knisja ma jkollhiex falliment jekk twassal il-messaġġ tiegħu u mbagħad ikun hemm min jinjorah jew jirrifjutah. Dik hija l-esperjenza ta’ Ġesù stess. Il-falliment ikun jekk ma tkunx fidila lejn il-missjoni tagħha, jekk tipprova tbiddel il-kliem ta’ Ġesu biex jingħoġob u biex idoqq għall-widnejn, jew li tuża mezzi li mhumiex sew – hemmhekk ikun il-falliment. Għalhekk lill-Knisja, li hi aħna lkoll, u lilna personalment Ġesù jsejħilna biex il-kejl tagħna ta’ suċċess ikun il-fedeltà lejh. Meta aħna nkunu fidili lejh, imbagħad ikollna tassew suċċess fil-ħajja.
It-talba li nagħmlu hi biex aħna ngħixu tassew dil-fedeltà bħalu sal-aħħar, li l-kejl tagħna ma jkunx x’qed jaħsbu l-oħrajn, jew x’qed jagħmlu l-oħrajn, biex nagħmlu bħalhom, imma x’qed jurina hu. Dak hu tassew is-suċċess fil-ħajja tagħna, jekk aħna nkunu fidili lejh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju