Bi tħejjija għall-Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta ser jitwaqqaf kor biex janima Quddiesa li ser issir fuq il-Fosos tal-Furjana nhar Għid il-Ħamsin, il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020. 

Il-kor ser ikun iffurmat minn tfal u adulti, u ser ikun taħt it‑tmexxija ta’ Mro Christopher Muscat, Maestro di Cappella tal‑Katidral Metropolitan u Direttur Mużikali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Tfal u adolexxenti bejn id‑9 u l‑14‑il sena għandhom japplikaw għall-kor tat-tfal filwaqt li dawk minn 15-il sena ’l fuq japplikaw mal-adulti. Għalkemm mhuwiex neċessarju, tagħrif bażiku fil-qari tal-mużika jitqies ta’ vantaġġ.

Il-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan taż-żjara tal-Papa f’Malta iħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex japplikaw fuq papafrangisku.mt/kor.

L‑auditions tat‑tfal ser isiru nhar il‑Ġimgħa 13 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s‑Sibt filgħodu, 14 ta’ Marzu. L‑auditions tal‑adulti ser isiru nhar il‑Ġimgħa 20 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s‑Sibt filgħodu, 21 ta’ Marzu. L-applikanti ser jiġu avżati bil‑ħin tal‑auditions li ser isiru fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il-Furjana.