L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’din il-ġrajja hekk kerha u makabra tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista hemm konċentrazzjoni ta’ ħażen. Dnub iwassal għal ieħor. U fil-qalba tagħha hemm id-disprezz lejn il-ħajja umana li tiddependi biss minn min għandu l-poter.
Ħa nħarsu ftit lejn din il-konċentrazzjoni ta’ ħażen li naraw hawnhekk. Naraw lil Erodi – dan kien bniedem li kellu l-poter imma kien bniedem dgħajjef. Fil-fatt, lil Ġwanni l-Battista tefgħu l-ħabs għax Ġwanni kien jgħidlu: ma tistax iżżommha int lil Erodja, li kienet il-mara ta’ ħuh. Imma filwaqt li hu lil Ġwanni kien jipprova “jħarsu mill-għawġ” (Mk 6:20), jgħidilna l-Evanġelju, u kien iħobb anke jisimgħu – kellu qisha ammirazzjoni lejh fl-istess waqt – imma minħabba din il-mara li kienet miegħu, Erodja, mhux biss ma għenux lil Ġwanni imma fl-aħħar ċeda wkoll għax-xewqa tagħha u qatlu. Kien bniedem dgħajjef li jċedi għall-pressjoni anke jekk jaf li mhux sewwa.
Ħa nħarsu lejn Erodja, din il-mara li kienet qiegħda miegħu. L-Evanġelju jgħid li lil Ġwanni l-Battista ma kinetx taħmlu – “saret tobogħdu u kienet trid toqtlu” (Mk 6:19). Ma sabitx iċ-ċans. Imma mbagħad darba minnhom ġiet ix-xoqqa f’moxxtha. Bintha ħarġet tiżfen u tant għoġbot lil Erodi li qalilha li jagħtiha kull ma tixtieq, anke nofs is-saltna tiegħu. Din marret tistaqsi lil Erodja, u qaltilha: itolbu “ras Ġwanni l-Battista” (Mk 6:24). Araw kif il-ħdura ħarġet fl-agħar tagħha. Mhux biss riedet toqtlu lil Ġwanni l-Battista, imma riedet li jaqtgħulu rasu. Għax minn hawn kienet ħierġa l-kelma ta’ Ġwanni l-Battista li lilha u lil Erodi jgħidilhom: qed tgħixu ħażin. Għalhekk riedet teleminah biex qatt aktar ma tisma’ lilu jgħid hekk, u biex mingħalija ttemm għal kollox il-ħajja u t-tifkira ta’ Ġwanni l-Battista. Ara kif il-mibegħda twassal għall-agħar affarijiet.
Meta naraw it-tnejn li huma – Erodi u Erodja – nindunaw kemm ma hemmx valur għall-ħajja tal-bniedem, kif il-ħajja tal-bniedem għalihom u għal diversi nies dak iż-żmien tiddependi minn min hu qawwi. Erodi kien lest iżomm kelmtu u ma jmurx kontra l-kelma li ta, imma fl-istess waqt kien lest ukoll li joqtol. Mela l-kelma tiswa, u l-ħajja tal-bniedem ma tiswiex. Għalhekk minnhom aħna nitgħallmu noqogħdu attenti ħafna għall-mibegħda għax, jekk tbejjet f’qalbna, il-mibegħda tista’ twassalna għal ħażen fuq ħażen. Imma nitgħallmu wkoll kif aħna għandna dejjem inħarsu u ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn, il-ħajja umana f’kull waqt tagħha.
Qalb din il-konċentrazzjoni ta’ ħażen, hemm id-dawl jiddi fid-dlam, għax hemm din ix-xhieda sabiħa ta’ Ġwanni l-Battista – dal-bniedem li kellu l-missjoni li jipprepara lin-nies għall-miġja ta’ Ġesù.
Hu qeda din il-missjoni b’fedeltà, bil-kuraġġ, bla biża’. Kien jitkellem ċar u kien lest li jbati għal dak li hu sewwa. Araw kemm hi xhieda sabiħa, qalb dal-ħażen kollu li naraw f’dan ir-rakkont: ix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista.
Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej, l-ewwel nett li nieħdu l-eżempju ta’ Ġwanni l-Battista: naqdu l-missjoni li Alla jagħtina – kull wieħed u waħda minna – b’fedeltà, b’lealtà. Nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, inkunu lesti wkoll li nbatu għal dak li hu sewwa. Nitolbu lill-Mulej ukoll biex jeħlisna mill-ħażen, speċjalment mill-mibegħda, u jgħinna biex għalina l-ħajja tkun dejjem għażiża, u ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta