Kif tħabbar fl-24 ta’ Frar li għadda mis-Sala Stampa tal-Vatikan, waqt iż-Żjara tal-Papa Franġisku f’Għawdex bħala parti mis-36 Vjaġġ Appostoliku tiegħu, hu se jkun qed imexxi Laqgħa ta’ Talb fuq iz-zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, li tibda fil-5:30pm.

Qabel tibda l-laqgħa fuq barra, il-Papa sa jitlob fis-skiet quddiem il-kwadru fil-Kappella tal-Madonna u jgħid it-tliet Avemarijiet li rrakkomandat il-Madonna Ta’ Pinu lil Karmni Grima meta sejħitilha fl-1883, f’ġieħ it-tlett ijiem li l-ġisem qaddis tagħha dam fil-qabar qabel it-Tlugħ fis-Sema. Wara, hu joffri lill-Madonna l-omaġġ tal-Warda tad-Deheb.

Il-Papa jħalli l-Port il-Kbir lejn Għawdex fl-3:50pm fuq il-katamaran Maria Dolores li jwasslu fil-Port tal-Imġarr fil-5pm. Iħalli Għawdex bil-vapur fis-6:45pm u jasal fil-Port taċ-Ċirkewwa fis-7:30pm. Ir-rotta mill-Imġarr sal-Għarb bil-karozza u l-popemobile tgħaddi mit-triq prinċipali lejn il-Belt Victoria.

Iż-Żjara tal-Papa Franġisku fil-Gżejjer Maltin u partikularment f’Għawdex hi mistennija, wara li kienet tħassret minħabba l-imxija tal-Covid-19 sentejn ilu. Il-Papa Franġisku se jkun qed jimxi fuq il-passi taż-żewġ predeċessuri tiegħu u jagħti qima lil Sidtna Marija Ta’ Pinu, Omm il-poplu Malti u Għawdxi u ‘Sultana tal-Familja’.

It-tribuna
Il-merħba li se tingħata lill-Papa fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu u fuq iz-zuntier tal-istess Bażilika tant għażiża għall-poplu tagħna se ssir taħt tribuna li qed tinbena apposta minn FXB Group tax-Xewkija, Għawdex, fuq disinn ta’ John Xerri, u li minn taħtha l-Qdusija Tiegħu se jmexxi ċ-Ċelebrazzjoni ta’ Talb nhar is-Sibt 2 ta’ April 2022 fil-5:30pm.

Hemm tliet simboli prinċipali li jiddeterminaw is-sinifikat ta’ din iż-żjara għall-poplu ta’ Għawdex:

  1. L-ewwel nett jidhru jispikkaw tliet mewġiet ta’ kulur blu fuq l-isfond abjad. Dawn huma parti essenzjali mill-arma ta’ Għawdex u jirraffiguraw l-element importanti tal-baħar li jagħti identità lil din il-gżira. “Fertilis ab undis caput effero”, “Għammiela nerfa’ rasi minn qalb l-imwieġ”, hu l-motto tal-gżira ta’ Għawdex, bit-tliet għoljiet li jerfgħu rashom fuq il-Baħar Mediterran.
  2. Fuq dawn l-imwieġ jispikka s-Salib, iddisinjat b’erba’ kantunieri addizzjonali li jirraffiguraw l-erba’ Evanġelisti, li kitbiethom jixxandru mal-erbat irjieħ tad-dinja. Mill-erbat irjieħ tad-dinja ġejjin il-barranin li qed ifittxu bidu ġdid għal ħajjithom fil-gżira Għawdxija. Fi Kristu, li miet u rxoxta biex jagħtina ħajja ġdida, il-Knisja trid tkun it-tarka tad-dgħajjef u l-batut.
  3. Dan kollu qed iseħħ taħt il-ħarsien tal-Verġni Mbierka Ta’ Pinu. Fil-fatt, fil-ġenb tat-tribuna ninnutaw il-figura tal-wiċċ imbierek tal-Madonna Ta’ Pinu – dettall mill-kwadru mpitter minn Bartolomeo Amadeo Perugino u kkummissjonat minn Pinu Gauci fl-1619 – li tħares fuq il-Knisja f’Għawdex u Malta u fuq il-Knisja Universali.

Is-sedja
Is-sedja tal-injam li fuqha ħa joqgħod bilqiegħda l-Papa Franġisku waqt iċ-ċelebrazzjoni hi l-istess sejda prinċipali li tintuża miċ-ċelebrant waqt il-quddies fis-Santwarju, u kien qagħad fuqha wkoll il-Papa San Ġwanni Pawlu II meta ċċelebra l-quddiesa fuq iz-zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu fis-26 ta’ Mejju 1990. Flimkien mal-banketti li jakkumpanjawha kienet ġiet iddisinjata minn Vincenzo Bonello fl-1953, u fuqha hemm bassoriliev ta’ Kristu Re, is-simboli tal-erba’ Evanġelisti, kif ukoll motifi Ewkaristiċi.

Inħadmet ukoll sedja ċkejkna oħra biex fuqha joqgħod il-Papa fil-waqfa qasira tiegħu fil-Kappella tal-Madonna. Din inħadmet fl-injam mill-mastrudaxxi Anthony Galea u Paul Piscopo fuq l-istess stil tal-bankijiet ġodda li nħadmu dan l-aħħar fil-kappella.

L-istola
L-istola li l-Papa Franġisku se jilbes waqt iċ-ċelebrazzjoni hi minsuġa bl-idejn fuq stil tradizzjonali u magħmula mit-tajjar. Id-disinn tagħha sar minn Dun Roberto Gauci, taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon, b’konsultazzjoni man-nissieġa Għawdxija s-Sinjura Alda Bugeja li għamlet ukoll ix-xogħol tal-insiġ b’idejha stess.

L-istola fiha żewġ slaleb lewn id-deheb fuq sfond aħmar, il-lewn liturġiku ta’ kull stola li jilbes il-Papa f’ċelebrazzjonijiet simili. Il-lewn aħmar fil-Liturġija jfakkar fil-Passjoni ta’ Kristu, li l-Knisja tiċċelebra f’inqas minn ħmistax wara ż-Żjara tal-Papa fostna, u fid-demm tal-fidwa mċarċar minn fuq is-salib. Iċ-ċelebrazzjoni li ħa jmexxi l-Papa fuq iz-zuntier Ta’ Pinu mhux biss ħa tkun lejlet il-Ħames Ħadd tar-Randan, imma għandha bħala tema ewlenija l-figura ta’ Marija, Omm il-Ħniena. Fil-fatt, is-silta tal-Vanġelu li ħa tinqara hi dik li tippreżenta lil Omm Alla u Omm il-Knisja taħt is-Salib ta’ Binha (Ġw 19:25-27): Marija kellha sehem fil-Misteru tal-Fidwa bħala l-ewwel dixxiplu li mxiet wara Binha sa taħt is-Salib.

Iż-żebbuġ
Taħt ix-xbieha ta’ wiċċ il-Madonna fit-tribuna se titqiegħed ukoll siġra żgħira taż-żebbuġ, bħala sinjal tal-impenn u t-talb tal-komunità Nisranija lokali f’għaqda mal-Knisja kollha għall-paċi, kif qed jistedinna b’ton qawwi l-Papa Franġisku quddiem il-kriżi tal-gwerra fl-Ukrajna u f’tant postijiet oħra fid-dinja milquta minn kunflitti. Anki l-arranġamenti tal-fjuri fil-Kappella tal-Madonna sa jkunu magħmula fost l-oħrajn minn friegħi taż-żebbuġ.

Ġimgħa wara li l-Papa se jikkonsagra lir-Russja u l-Ukrajna lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, hu se jkun fil-gżejjer tagħna biex, pellegrin bħalna, imexxina fit-talb ħerqan tagħna lill-Verġni Mbierka, li mill-kwadru għażiż u mirakoluż tagħha f’dan il-post ta’ spiritwalità Marjana għadha ssejħilna: “Ejja, ejja”.