Minn għada t‑Tnejn, 29 ta’ Novembru 2021, fil‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien se tibda tingħata għajnuna professjonali u emozzjonali lill‑ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli waqt it‑tqala, kif ukoll lill‑missirijiet. Il‑ġenituri se jingħataw l‑għajnuna meħtieġa permezz ta’ appoġġ emozzjonali, kura pastorali u counselling, kif ukoll provvista ta’ oġġetti relatati ma’ qabel u wara t‑twelid tat‑tarbija. Dan is‑servizz se jingħata mill‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien flimkien ma’ parroċċi oħra, u b’kollaborazzjoni ma’ LifeNetwork Foundation, St Jeanne Antide Foundation u Caritas Malta.

Is‑servizz bl‑isem ta’ GIFT, li se jiġi offrut minn Dar Nazaret f’Ħal Tarxien, tnieda dalgħodu mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna u mill‑Arċipriet Dun Christopher Ellul, bħala parti mill‑attivitajiet marbuta mal‑Ġimgħa Favur il‑Ħajja. Preżenti wkoll Dr Miriam Sciberras minn LifeNetwork Foundation u Nora Macelli minn St Jeanne Antide Foundation.

Fil‑messaġġ tiegħu l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li dan is‑servizz huwa sinjal ieħor kif il‑Knisja timxi ma’ min għaddej minn sitwazzjonijiet diffiċli u tieqaf miegħu biex tgħinu. Qal li s‑servizz GIFT huwa sinjal konkret li rridu ngħaddu lis‑soċjetà sabiex nitbiegħdu minn kull tip ta’ ġudizzju u b’permezz ta’ djalogu seren u konkret nagħtu wens u għożża lil min jinsab f’diffikultà. Mons. Arċisqof irringrazzja lill‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien u lill‑entitajiet ta’ din l‑inizjattiva favur id‑don tal‑ħajja u fakkar li dan is‑servizz qed jiġi inawgurat proprju fil‑bidu tal‑Avvent, li hu staġun ta’ stennija u li matulu nakkumpanjaw lil omm Ġesù fl‑istennija li twassal għat‑twelid tiegħu fl‑għar ta’ Betlehem.

Dun Chris Ellul, l‑Arċipriet tal‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien, qal li l‑proġett GIFT twieled minn suġġeriment waqt il‑paniġierku tal‑festa ta’ din is‑sena ta’ Marija Annunzjata, sabiex il‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien tkun santwarju tal‑ħajja umana sa mill‑ewwel mument tat‑tnissil. Dun Chris wera x‑xewqa li dan is‑servizz jinfirex sabiex il‑komunità Nisranija tirrispondi bi mħabba billi tipprovdi l‑għajnuna emozzjonali u anke pastorali u spiritwali lill‑familja li qed issib diffikultà waqt it‑tqala jew meta titlef it‑tarbija fil‑ġuf.

F’isem LifeNetwork Malta, Dr Miriam Sciberras faħħret din l‑inizjattiva favur il‑ħajja li ħadet il‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Qalet li l‑Knisja għandha tkun il‑post fejn kull ħajja tiġi ċċelebrata, mingħajr ebda ġudizzju. Dr Sciberras saħqet li bħala soċjetà rridu naħdmu bi sħiħ sabiex il‑parroċċi jiġu mgħammra b’diversi servizzi biex ikunu jistgħu jgħinu b’modi prattiċi lin‑nisa u l‑irġiel fid‑deċiżjonijiet tagħhom marbuta mat‑tqala.

Nora Macelli minn St Jeanne Antide Foundation qalet li wieħed mis‑servizzi offrut minn GIFT hu l‑għajnuna li se tingħata mill‑ħaddiema soċjali. Qalet li l‑esperjenza tgħallem li persuni li ma sabux lil min jgħinhom fil‑waqt jispiċċaw jagħmlu għażliet li wara jiddispjaċihom li jkunu għamluhom. Nora Macelli qalet li l‑għajnuna f’waqtha ssalva l‑ħajjiet, tqawwi l‑qalb, toffri tama u twitti t‑triq biex il‑persuna li qed issofri tħares ’il quddiem b’kuraġġ, b’dinjità u piż imwieżen.

Fil‑futur qarib is‑servizz GIFT se jkun estiż b’counselling pastorali u servizz spiritwali mid‑dar parrokkjali. Se tinfetaħ ukoll kappella tal‑adorazzjoni li tkun miftuħa 24 siegħa kuljum, kemm għal radd il‑ħajr lil Alla għad‑don tal‑ħajja, kif ukoll għat‑talb għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet waqt it‑tqala jew wara t‑twelid.

Kull min jixtieq ifittex l‑għajnuna jew aktar dettalji jista’ jċempel fuq 20330023 jew 79429291 jew iżur il‑paġna fuq Facebook GIFT.