L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-oriġini tal-Awtorità tax-Xandir hu antik minn mill-kriterji tagħna. Fl-1935 kien hemm l-ewwel bidu ta’ awtorità li tipprova tikkontribwixxi għal ċerta armonija fis-servizz tax-xandir. Imma fl-1961 ingħata bidu għal din l-awtorità li għadha magħna sal-lum, li fl-Indipendenza, fl-1964, ħadet ir-rwol kostituzzjonali. Kienet għażla tal-Istat Malti li din l-awtorità tkun impoġġija proprju bħala parti mill-qafas tal-istituzzjonijiet essenzjali tal-pajjiż. Intom u tiċċelebraw sittin sena, nixtieq noffri ftit riflessjonijiet fis-sitwazzjonijiet li qed ngħixu llum.

Illum qegħdin ingawdu minn pluraliżmu kbir ta’ sorsi ta’ informazzjoni, ta’ mezzi tax-xandir. Għal ħafna snin u għadha sal-lum l-Awtorità tax-Xandir, jew il-Broadcasting Authority, kienet u għadha tħares b’attenzjoni kbira lejn ir-radju u t-televiżjoni. Illum wieħed irid jistaqsi jekk dawn il-pjattaformi ta’ informazzjoni, li bil-mod il-mod qed jaraw ukoll, biex ngħidu hekk, it-tmiem tagħhom, hux se jagħtu post lill-pjattaformi diġitali, li saru iżjed komuni, iżjed imferxa u jagħtu sfida kbira lil kull awtorità li tipprova tfittex armonija u ċertu servizz ta’ imparzjalità. Kif se tikkontrolla baħar sħiħ jekk il-kompetenza tiegħek hi satal ma’ baħar.

Biss inħoss li s-servizz li tagħti l-Awtorità tax-Xandir, ħafna drabi soliċitata minn xi lment jew ieħor, mhux bilfors ex officio, hu ħafna twal. Għaliex inħoss li l-imparzjalità, il-fatt li f’kull argument tisma’ lil kulħadd; dan il-valur qiegħed fi kriżi. Fi kriżi mhux bilfors ġejja mir-rieda mhix tajba tagħna l-bnedmin, imma għaliex id-dinja tal-lum bla ma rridu, u forsi għax irridu, tpoġġina f’ambjenti kollha magħluqin fihom infushom. Dawk li jgħidulhom ‘bubbles’. Tisma’ lil min trid, tisma’ li jogħġbok, tisma’ kemm trid, imma m’għandekx l-opportunità li tmur ’l hemm mid-dinja ċkejkna tiegħek, mill-qafas li għażilt għalik, mill-bubble li tħossok komdu fiha.

Tentazzjoni oħra li hi ħafna diffiċli li nikkumbattu llum hi l-fenominu tal-aħbar li tilbes il-libsa tal-verità, imma hi gidba sfaċċata li teqred id-dinjità tagħna li nisimgħuha.

U din tfakkarni f’waħda mill-ewwel xbihat li l-awtur Franċiż Antoine de Saint-Exupéry ipoġġi fil-ktieb tiegħu Le petit prince – iċ-Ċkejken Prinċep. Fejn dan it-tfajjel ċkejken iħuf minn pjaneta għal oħra, u kull pjaneta għandu personaġġ li jħossu sid ta’ din id-dinja tiegħu, mingħajr ma jikkomunika ma’ pjaneti oħrajn.

Ir-realtà li qed ngħixu fiha, anke fix-xandir, il-poplu tagħna tista’ tpoġġih f’din id-dinja immaġinarja, iżolata, li tissodisfa dak li bl-Ingliż ngħidulu l-comfort zone tiegħu; imma ma tistimulax l-intelliġenza; ma tistimulax il-kapaċità kritika. Inħoss li meta l-Awtorità tax-Xandir, anke fil-kostituzzjoni hi msejħa biex tkun ta’ servizz, biex ix-xandir ikun miftuħ għal ideat differenti, għas-soċjetà pluralista li qed ngħixu fiha; għal naħat differenti ta’ argument jew aħbarijiet. Qed tagħti servizz essenzjali li jgħin il-kapaċità kritika tal-poplu tagħna; li hi l-qofol tad-demokrazija. Xi ħadd li hu għadu tad-demokrazija joqtol is-sens kritiku taċ-ċittadini. U s-sens kritiku jikber, meta nkun espost għal ideat differenti. Nisma’ aħbar,  u nisma’ argumenti differenti. Hemm dibattitu fil-pajjiż u nsegwi l-ideat kollha. Jista’ jkun ma naqbilx magħhom, jista’ jkun li nħoss li ma jissodisfawx l-għatx li għandi għall-verità.

Illum il-kelma li għandna bżonn nisimgħu hi, biex aħna f’xulxin naraw persuni li għandhom dinjità u ċittadinanza fuq l-istess livell

Tentazzjoni oħra li hi ħafna diffiċli li nikkumbattu llum hi l-fenominu tal-aħbar li tilbes il-libsa tal-verità, imma hi gidba sfaċċata li teqred id-dinjità tagħna li nisimgħuha. Il-fenonimu tal-fake news: li jintuża bħala strument malinn, malizzjuż u kattiv, biex jeqred lill-persuni u d-dinjità tagħhom, l-istituzzjonijiet, soċjetajiet u pajjiżi sħaħ. Forsi nkunu qed nitolbu wisq lill-Awtorità tax-Xandir tiddefendina minn dan kollu; imma llum irridu wkoll nieqfu nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan il-ħsieb feliċi li jkollna awtorità fil-pajjiż, li fil-qasam tax-xandir għandha l-vokazzjoni li tkun is-sinsla ta’ demokrazija.

Kull dittatura tinbet meta timponi veduta waħda u unika, monopolju ta’ verità fuq is-soċjetà u fuq l-Istat. Jista’ jkun partit politiku, jista’ jkun Gvern, jista’ jkun mexxej. Din hi traġedja tad-dittatorjati kollha. Illum m’aħniex meħlusin minn din it-tentazzjoni. Allura dak kollu li tagħmlu, anke fil qasam tax-xandir statali, li mhux qiegħed f’idejkom; imma intom taqdu d-drittijiet tagħna fil-konfront tiegħu. L-Awtorità tax-Xandir mhux qiegħda hemm biex timpromwovi l-interessi ta’ xi poter; imma qiegħda hemm biex tipproteġi l-ġid komuni u d-dritt taċ-ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja soċjali b’sens sħiħ ta’ informazzjoni konkreta. Li tkun ġust, u li tkun ukoll vera, li tkun leali; dawn huma valuri għolja. Mhux faċli jirnexxilna nilħquhom dejjem jew kuljum, imma hemm bżonn ikunu dawk li jmexxuna.

Il-Mulej, meta jibgħat lid-dixxipli tiegħu jagħtihom ħafna indikazzjonijiet għat-triq, meta jaslu. Rajt kumment fuq dan l-Evanġelju li laqatni. Dan l-awtur qal: innutaw li Ġesù ma jgħidilhomx x’għandhom jgħidu, imma kif iġibu ruħhom. Għax ħafna drabi x-xhieda tagħna hi dik li tkaxkar. Aħna ngħidu bil-Malti: ‘il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar’. Aħna lkoll insibu ruħna f’sitwazzjonijiet, fejn il-kelma tagħna, meta tqabilha ma dak li jsir u dak li nagħmlu, hi ideal għoli, li fil-ħajja tagħna; min jagħmel l-eżami forsi bit-tkaxkira ngħaddu. Dan għandu jkun ukoll ta’ xprun għalina. Mill-ideali miktuba, mill-intenzjonijiet li nesprimu, ilkoll kemm aħna, jiena l-ewwel wieħed, ngħaddu għall-għemil.

Persważ li l-mod kif nitrattaw lilna nfusna fil-kliem, kif inxandru aħbar; kif nagħżlu l-għejun tal-informazzjoni tagħna hi wkoll espressjoni ta’ dak li hemm fil-qalb tagħna. Illum il-kelma li għandna bżonn nisimgħu hi, biex aħna f’xulxin naraw persuni li għandhom dinjità u ċittadinanza fuq l-istess livell. Dan hu valur kbir, li intom għeżież membri tal-Awtorità tax-Xandir, u fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, naqblu li hemm bżonn nippromwovu. F’din it-talba li nġbartu għaliha f’dan l-anniversarju importanti, nitolbu biex l-informazzjoni, ix-xandir pubbliku u mhux pubbliku, jippromwovi sens ta’ demokrazija vera; fejn l-informazzjoni ssir mezz ta’ libertà u mhux skjavitù; mezz ta’ dawl, ta’ illuminazzjoni u mhux ta’ ingann. Dan hu ideal għoli, għandna bżonn l-għajnuna tal-Mulej biex nippromovuh u nilħquh.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti >>