L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Mons. Alfred Vella bħala l‑Kap tal‑Uffiċċju tar‑Reġistrazzjoni taż‑Żwiġijiet tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Huwa ħa post Dun Mario Tong li ssostitwixxa lil Mons. Tarcisio Delicata li kien ilu jservi f’din il‑kariga għal sbatax‑il sena.
Mons. Alfred Vella ġie ordnat saċerdot fl‑1984 u serva f’diversi parroċċi fosthom fil‑parroċċa ta’ San Pawl fir‑Rabat, Ħal Luqa, iż‑Żejtun u Ħ’Attard. Għal sbatax‑il sena kien id‑Direttur tal‑Kummissjoni Emigranti, illum Kummissjoni Migranti.
L‑Uffiċċju Żwiġijiet jieħu ħsieb l‑ipproċessar tad‑dokumenti tal‑koppji li jixtiequ jingħaqdu fis‑sagrament taż‑żwieġ. Minħabba l‑pandemija COVID‑19 kull min għandu bżonn iżur l‑Uffiċċju Żwiġijiet fi ħdan il‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana għandu jagħmel appuntament billi jċempel mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn l‑11am u 12pm fuq 25906205 jew jibgħat imejl fuq [email protected].