L-Arċisqof Charles Jude Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, illum is-Sibt 10 ta’ Ottubru, laqgħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech u lis-Sinjura Grech, għal żjara ta’ korteżija, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett nifraħlek u nawguralek rispett. Nixtieq ukoll nawguralek il-ħidma t-tajba anke jekk mhux bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Ir-rwol tiegħek huwa essenzjali fid-demokrazija, bħalma qallek ukoll il-President tar-Repubblika Dott. George Vella. Nixtieq ningħaqad mal-kliem meqjus tal-President ta’ Malta li din l-esperjenza ta’ tmexxija li ġejt imsejjaħ għaliha, mhux biss mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista imma issa għandek l-appoġġ tal-istituzzjonijiet għolja, trid tkun strument ta’għaqda, strument ta’ lealtà u strument li fid-demokrazija jkun hemm vuċijiet li jaħdmu għall-ġid komuni.  

F’ismi u f’isem l-Isqof Awżiljarju nawgura wkoll li f’dan l-ambjent demokratiku, li l-Oppożizzjoni għandha responsabbiltà importanti, il-Knisja tibqa’ ta’ servizz għall-ġid komuni mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ. Nixtieq nagħmel dan il-punt: il-Knisja hi magħmulha minn ħafna protagonisti, minn ħafna membri, għall grazzja ta’ Alla mħux kulħadd għandu l-istess ideat, jiġifieri l-Knisja hija ġnien fejn hemm ħafna tipi ta’ siġar u ta’ pjanti. Kultant ikun hemm xi xewka jew tnejn ukoll. Nirringrazzja lilkom il-politiċi meta forsi xi ħaġa li tweġġa’, tiġi u tgħaddi.

Inħoss li bħala komunità Nisranja, f’pajjiż li qed jiżviluppa f’soċjetà diversa u b’diversi kulturi li qed jiġu fostna u jarikku t-tessut soċjali, aħna nkunu preżenza ta’ rispett reċiproku, ta’ tolleranza u fl-istess ħin ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju. L-Evanġelju huwa kelma sabiħa għall-fqar. Aħna lkoll għandna l-faqar tagħna, il-limiti tagħna u fil-Kelma ta’ Ġesù Kristu, fil-misteru tas-salib u l-qawmien tiegħu, hemm ukoll narrattiva ta’ fidwa għaliex hija espressjoni ta’ imħabba.

Waħda mill-affarijiet li nħoss bħala Knisja f’Malta huwa d-dover tagħna li nagħmlu huwa li nippromwovu, u mmexxu il-kelma l-iżjed reċenti tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fl-enċiklika Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa), għaliex inħoss li din hi kelma sabiħa li l-pajjiż tagħna għandu bżonn, imma mhux biss pajjiżna, anke l-Ewropa li aħna nħabbtu l-bieb tagħha għas-solidarjetà. Nibdew nwettquha aħna u jkollna d-dritt ukoll nitolbuha mingħand ħaddieħor, imma anke fid-dinja. Il-pandemija, jekk diġà konna vilaġġ globali għamlitna iżjed, u l-Papa qed iħares lejn il-preżent u l-futur b’impenn li aħna l-Insara u n-nies ta’ rieda tajba nkunu xhieda ta’ fratellanza vera: li aħna lkoll aħwa.

Għalhekk, għalkemm se jkollna nilbsu ħafna maskri, fl-istess ħin hemm bżonn ninsew il-maskra li tgħatti wiċċ il-bniedem u nifhmu li aħna lkoll bnedmin, li hemm xi ħaġa li tgħaqqadna, li aħna maħluqin xbieha tal-Ħallieq, li huwa mħabba u li għandna għatx kbir għall-imħabba. Il-Papa jitkellem fuq il-politika bħala espressjoni kbira tal-imħabba.

Dr Bernard Grech, nawgura ħafna lilek u l-kollegi tiegħek imma anke lill-politiċi kollha tagħna. Il-vokazzjoni tagħkom, jiġifieri l-politika, hi espressjoni kbira tal-imħabba għax taħdmu għall-ġid komuni, twettquha fil-ħajja tagħkom, fil-mod kif tiddjalogaw ma’ xulxin u fl-għażliet li tagħmlu.

Nawguralek u nifraħlek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta