L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” Hekk qalu n-nies wara li semgħu lil Ġesù li ġie Nazaret, u semgħuh fis-sinagoga tagħhom. Kienu jafu li missieru mastrudaxxa, u allura skantaw bl-għerf li kellu.
Illum qed nagħmlu t-tifkira ta’ dan il-mastrudaxxa, ta’ Ġużeppi, li kien il-missier putattiv ta’ Ġesù u għex ħajja mill-aktar ordinarja: familja u xogħol. Kien jaf x’jiġifieri titħabat għax-xogħol, u d-diffikultajiet li jġib miegħu x-xogħol, u kien jaf ukoll is-sodisfazzjon tax-xogħol, hu li kien jaħdem fl-injam. Imma Ġużeppi hu mastrudaxxa għaref. L-għerf tiegħu mhux tant fit-tagħlim f’li qal – mank insibu kelma waħda li qal fl-Evanġelju – imma fix-xhieda tal-ħajja tiegħu, fl-eżempju ta’ kif tgħix il-ħajja ordinarja.
X’jgħallimna Ġużeppi għall-ħajja tagħna speċjalment għall-ħajja tax-xogħol? L-ewwel nett jgħallimna li bix-xogħol nissieħbu ma’ Alla fil-ħidma kreattiva tiegħu. Fil-ktieb tal-Ġenesi rajna li meta Alla ħalaq id-dinja, dan il-ħolqien hu deskritt bħala xogħol – Alla qed jaħdem. Meta ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu, ried isieħeb lill-bniedem, isieħeb lilna f’din il-ħidma kreattiva tiegħu. Għalhekk is-sejħa hi li aħna bix-xogħol niżviluppaw il-kapaċitajiet li Alla tana – dawn huma doni tiegħu – u li nkunu nistgħu mbagħad inqegħduhom għas-servizz tal-oħrajn.
Kull xogħol għandu d-dinjità tiegħu. Għandna napprezzaw kull tip ta’ xogħol.
Ġużeppi mastrudaxxa jgħallimna wkoll li kull xogħol għandu d-dinjità tiegħu, li ġej mill-fatt li min qed jaħdem hu xbieha ta’ Alla, u għalhekk mill-fatt li hu l-bniedem li qed jaħdem. Kull xogħol għandu d-dinjità tiegħu. Għandna napprezzaw kull tip ta’ xogħol. Għalhekk, ħadd ma għandu jitkabbar. Jekk ikollok pożizzjoni ta’ responsabbiltà, m’għandekx tħares ’l isfel lejn l-oħrajn, imma għandek tapprezza x-xogħol tal-oħrajn.
Ħa nsemmi kategorija partikulari ta’ nies: dawk li jiġbru l-iskart fit-toroq. Aħna għandna napprezzaw din il-ħidma, għandna nagħrfu d-dinjità ta’ dawn il-ħaddiema. Ġieli jkun hemm min iħares qisu b’mod dispreġġattiv lejn dan it-tip ta’ xogħol. Kull xogħol hu importanti, dak ix-xogħol hu essenzjali, dak hu ta’ ġid għas-soċjetà. Aħna għandna nuru l-apprezzament lejn dawn il-ħaddiema, u magħhom lejn kull ħaddiem, lejn kull min qed jagħti sehmu fis-soċjetà.
Ħaġa oħra li Ġużeppi jgħallimna hi kif ngħaqqdu flimkien il-familja u x-xogħol. Kien jgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa anke lil Ġesù. Imma hu dejjem kien dedikat b’mod sħiħ għall-familja, u x-xogħol kien jgħinu biex ikun dedikat għall-familja. Meta kellu bżonn jieqaf mix-xogħol u flimkien ma’ familtu, ma’ Marija u Ġesù, jaħrab lejn l-Eġittu, għamel hekk mill-ewwel biex isalva l-ħajja tagħhom. Dejjem stinka għall-familja u l-mod kif ħadem kien tassew biex ix-xogħol jagħmlu għas-servizz tal-familja.
Illum nitolbu lil San Ġużepp biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll u speċjalment għall-ħaddiema kollha. Nitolbuh, b’mod speċjali f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija, għal dawk li tilfu x-xogħol, jew li huma f’riskju li jitilfu x-xogħol, jew li tħarbat ix-xogħol tagħhom. Nitolbu wkoll għal dawk li għandhom ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet fis-soċjetà, fl-oqsma differenti tas-soċjetà, u għalina lkoll, biex fil-qasam tax-xogħol dejjem inkunu ispirati mill-valuri tas-solidarjetà, tal-ġustizzja soċjali u tar-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju