L‑Arċisqof Charles Scicluna ser imexxi mument ta’ talb u riflessjoni mill‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, bit‑tema ‘Seba’ Waqfiet ma’ Ġesù’. Dan ser jixxandar fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat‑televixin u fuq mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali oħra, għada, 9 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fit‑8:30 p.m.
Din is‑sena, flok is‑Seba’ Visti fejn is-soltu isir pellegrinaġġ f’seba’ knejjes, l‑Insara qed jiġu mistiedna biex bħad‑dixxipli fl‑aħħar lejl ma’ Ġesù, jishru miegħu. Permezz ta’ riżorsi diġitali ta’ talb li ħejjiet l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għal dawn il‑jiem tal‑Ġimgħa Mqaddsa, it‑test ta’ dan il‑mument ta’ talb, kemm bil‑Malti u wkoll bl‑Ingliż, hu disponibbli online fuq soter.knisja.mt.
F’dan il‑mument diffiċli, Mons. Arċisqof ser imexxi talb u riflessjonijiet b’qari mill‑Evanġelju skont San Ġwann mir‑rakkont tal‑Aħħar Ċena. Bħad‑dixxipli fiċ‑ċenaklu mal‑Imgħallem, mid‑djar tagħna ser ‘niltaqgħu’ fil‑Katidral għal mument ta’ talb b’ispirazzjoni mill‑arti ta’ dan it‑tempju.
Janimaw dan it‑talb: Paul u Denise Mintoff, Jacob Portelli fuq iċ‑ċetra u l‑arpa, u Giulia Privitelli, storika tal‑arti minn Pietre Vive, li se taqsam riflessjonijiet dwar xogħlijiet mill‑patrimonju artistiku tal‑Katidral marbuta mas‑siltijiet mill‑Iskrittura li ser jinqraw.
Din il‑produzzjoni b’kollaborazzjoni bejn il‑PBS u l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tixxandar fuq TVM2, NET, ONE, Xejk, fuq 103, u wkoll online fuq Knisja.mt, Newsbook.com.mt, Timesofmalta.com u Illum.com.mt.