L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Tletin biċċa tal-fidda kien il-flus li l-qassisin il-kbar taw lil Ġuda biex jistgħu jieħdu lil Ġesù. Tletin biċċa tal-fidda kien il-prezz li kien bih stmat skjav fl-Antik Testment. Daqshekk stmaw lil Ġesù l-qassisin il-kbar!

Kien inqas mill-prezz tal-fwieħa li Marija kienet użat biex dilket riġlejn Ġesù, u dakinhar Ġuda l-Iskarjota kien ilmenta u qal: kieku l-fwieħa nbigħet, il-flus setgħu ngħataw lill-foqra. Dawk it-tliet mitt dinar kienu jiswew biċċa iktar mit-tletin biċċa tal-fidda. Dan ifakkrek f’dak li kien qal Ġesù: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus f’ħin wieħed”.

Imma t-tradiment ta’ Ġuda jidher fil-kruha tiegħu proprju meta Ġesù jitkellem fuqu waqt l-Ikla tal-Għid. Għax f’din l-ikla l-iskop tiegħu kien li jgħaqqad flimkien lit-tnax u hemmhekk ikellimhom fuq l-imħabba ta’ xulxin, fuq l-għaqda, fuq li jkunu lkoll ħaġa waħda. Fl-istess waqt jgħid li hemm xi ħadd minhom li se jittradih. Mhux biss, imma meta wieħed wieħed jibdew jistaqsuh “jaqaw jien?”, Ġesù jgħid: “dak li se jbill il-ħobż fil-platt miegħi” – dak kien sinjal ta’ mħabba, sinjal ta’ ħbiberija intima. Proprju f’dak il-waqt Ġesu jitkellem fuq it-tradiment biex juri kemm it-tradiment ta’ Ġuda kien ikrah – tarah fil-kruha tiegħu waqt l-Ikla tal-Għid.

Imma l-ħasra hi li meta Ġuda, wara li ttradixxa lil Ġesù, intebaħ bl-iżball, u kif jgħid l-Evanġelju ta’ San Mattew, mar jgħid lill-qassisin il-kbar “ittradejt demm bla ħtija” u dawk it-tletin biċċa waddabhom fis-santwarju, imbagħad mar itemm ħajtu. Qata’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla. Seta’ talab maħfra lil Ġesù bħalma għamel Pietru meta ċaħdu tliet darbiet, imma qata’ qalbu. Ġuda, tant ma kienx fehem l-iktar ħaġa importanti f’Ġesù – li ġie biex iwassal l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla – li qata’ qalbu.

Għamilt x’għamilt, Alla dejjem qed jistenniek lura biex iwassallek l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu.

Ġuda jgħallimna ħafna. Mhuwiex hemm bħala karattru biex aħna niġġudikaw lilu – il-ġudizzju dejjem f’idejn Alla, mhux f’idejna. Imma jgħallimna li kull dnub li jifridna minn Alla hu tradiment. Flok nagħżlu lil Alla, inkunu qegħdin nagħżlu lil xi ħadd jew xi affarijiet oħra minfloku. Jgħallimna wkoll kemm hu importanti li aħna nagħrfu d-dnubiet tagħna u nitolbu maħfra tagħhom lil Alla. Li aħna qatt ma naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Għamilt x’għamilt, Alla dejjem qed jistenniek lura biex iwassallek l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu. Hu aħna li kultant naqtgħu qalbna, aħna li kultant ma naħfrux lilna nfusna, imma Alla jaħfrilna u dejjem jistenniena.

Din l-istorja traġika ta’ Ġuda tgħallimna kemm hu importanti li aħna nkunu konvinti li Alla jaħfrilna, li Alla jwasslilna l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u li aħna rridu niftħu qalbna għalih.

Nitolbu lill-Mulej, speċjalment f’dawn il-ġranet meta għada nibdew dawn it-tlett ijiem imqaddsa, biex aħna nagħrfu dak li jfisser il-misteru tal-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Ġesù għadda minn dan kollu biex lilna jsalvana mid-dnub tagħna u jwasslilna l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju