L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
F’dan ir-rakkont tal-Passjoni skont San Mattew għandna konċentrazzjoni ta’ ħażen. Meta naraw dan ir-rakkont biċċa biċċa, naraw dnub wara ieħor. Ġesù għaddej f’din il-passjoni, u dawk li għandhom sehem f’din il-passjoni b’xi mod jew ieħor qed jagħżlu dak li hu ħażin, dak li hu dnub.
Naraw it-tradiment, l-għira, il-mibegħda, il-vjolenza, l-insulti, il-ħarba mir-responsabbiltà, u l-abbuż tal-poter. Hemm qisu dak li kultant ngħixu fl-esperjenza tagħna l-bnedmin ikkonċentrat hemmhekk fil-passjoni ta’ Ġesù, sal-aħħar mument meta jsallbuh u jmut.
Imma x’jagħmel Ġesù żgur li jolqotna. F’ħafna minn dar-rakkont Ġesù hu sieket. Ġesù ma jweġibx insult bi insult, vjolenza bi vjolenza, vendikazzjoni b’vendikazzjoni, kif kultant nirraġunaw aħna. Imma Ġesù jidħol għall-passjoni biex jieħu fuqu d-dnubiet tal-umanità. Jieħu fuqu dal-ħażen kollu sa fuq is-salib biex jista’ jifdi u jsalva lill-bniedem, lill-umanità.
Għalhekk l-għajta fuq is-salib “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” hija l-għajta ta’ min qed iġorr fuqu d-dnubiet tal-umanità. Kif rajna fil-qari tal-Kelma ta’ Alla llum, dik l-għajta hi parti minn salm, talba li kienu jagħmlu l-Lhud, li tibda “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” imma tispiċċa bil-fiduċja fil-Missier: Missier f’idejk nerħi ruħi, għax naf li għandu jkolli fiduċja fik.
Għalhekk Ġesù, bil-passjoni u l-mewt tiegħu, ħa fuqu d-dnubiet u l-ħażen tagħna biex lilna jista’ jsalvana u jifdina. Dan hu l-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa li għandha twassalna, bħal-lum ġimgħa, għall-festa tal-Għid, meta Ġesù jirbaħ fuq il-mewt u għalhekk jista’ jirbaħ fuq il-ħażen u jifdi l-ħażen tal-bniedem.
Illum nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din is-salvazzjoni li jagħtina. Nirringrazzjawh li ħa fuqu d-dnubiet tagħna biex isalvana. Nitolbuh biex aħna jkollna dejjem f’qalbna l-gratitudni lejh u dejjem ngħixu wkoll b’dan l-ispirtu sabiħ tiegħu, li juri tul il-passjoni kollha u l-mewt tiegħu – l-ispirtu ta’ fiduċja fil-Missier li hu għad iqum mill-mewt u jkollu r-rebħa sħiħa fuq il-ħażen.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju