Il-funzjonijiet reliġjużi li ser imexxi l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-Milied jibdew filgħaxija f’lejlet il-Milied.
It-Tlieta 24 ta’ Diċembru, lejlet il-Milied, fil-5:00 p.m. Monsinjur Arċisqof imexxi l-ewwel għasar tal-Milied solenni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u fil-5:30 p.m., jiċċelebra l-Quddiesa tal-Vġili.
Dakinhar stess, fil-10:45 p.m. jibda l-uffiċċju tal-qari li matulu ssir ukoll il-prietka tat-tfal, kif ukoll programm ta’ għanjiet tal-Milied. F’nofsillejl, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil-Katidral tal-Imdina. Il-Quddiesa tixxandar live fuq il‑YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta u TVM.
L-Erbgħa 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, fil-11:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
It-Tlieta 31 ta’ Diċembru, fil-5:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fi tmiem is-sena bil-kant tat-Te Deum, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
L-Erbgħa l-1 ta’ Jannar 2019, fid-9.00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa ta’ Jum il-Paċi, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Il-Quddiesa tixxandar live fuq il‑YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta u TVM2.
Il-Ħadd 5 ta’ Jannar, fid-9:15 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa tal-Epifanija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Quddiesa tixxandar live fuq il‑YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.