Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Diċembru 2019 waslet fi tmiemha l-Viżta Pastorali fl-Imsida b’Quddiesa ċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp. Il-Viżta bdiet bil-Griżma tal-Isqof lil 22 adolexxent waqt quddiesa fl-10 ta’ Novembru li għadda.
Fil-ġranet ta’ wara l-Isqof Galea-Curmi kellu l-opportunità jiltaqa’ mat-tfal, l-adolexxenti, iż-żgħażagħ, il-katekisti u l-operaturi pastorali tal-parroċċa kif ukoll żar uħud mill-parruċċani Misidjani f’darhom u fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Huwa żar is-sorijiet Franġiskani li jgħixu fil-parroċċa u kellu laqgħa ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Fil-viżta l-Isqof żar ukoll erba’ djar tal-anzjani u ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani kif ukoll l-iskola tal-Franġiskani u l-iskola primarja tal-Imsida. Matul dawn iż-żjarat l-Isqof kien akkumpanjat mill-Kappillan tal-Imsida Fr Simon Sciberras.
L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Forsi tidher ftit stramba li meta qegħdin nagħmlu llum il-bidu tal-Avvent, ta’ dan iż-żmien li jħejjina għall-festa tal-Milied, nisimgħu lil Ġesù jitkellem b’dal-mod fl-Evanġelju.
Aħna qegħdin nibdew dan iż-żmien li jwassalna sal-Milied, il-ġrajja meta Ġesù twieled fostna, l-Iben t’Alla sar bniedem bħalna u Ġesù hawnhekk qisu qed jitkellem fuq ħaġ’oħra mhux fuq il-miġja ta’ tant snin ilu, imma fuq il-miġja li għad trid isseħħ, it-tieni miġja tiegħu. Ir-raġuni hi li dan hu ż-żmien tal-Avvent.
L-avvent ma jiġix biss biex naslu għall-ġrajja tal-Milied li seħħet tant snin ilu: l-Iben t’Alla li sar bniedem bħalna u fostna. Imma l-Avvent huwa wkoll iż-żmien li jfakkarna aktar u aktar u jħejjina għat-tieni miġja ta’ Ġesù fil-glorja u għalhekk li jgħinna biex inħarsu kemm fil-passat kif ukoll fil-futur.
U Ġesù però jgħid kelma importanti li tfakkarna li aħna qegħdin inħejju għat-tieni miġja tiegħu, irridu nħejju għaliha bil-mod kif ngħixu llum il-ħajja tagħna. U għalhekk kif niltaqgħu ma’ Ġesù preżenti f’ħajjitna llum. Jgħid kelma importanti ħafna Ġesù, il-kelma “ishru” (Mt 24:42) “Kunu mħejjija” (Mt 24:44). U jgħid dan il-għaliex aħna hemm bżonn li fil-ħajja tagħna li nagħrfu ż-żmien li jagħtina Ġesù biex nistgħu ngħixuh tassew b’mod tajjeb.
L-Avvent huwa wkoll iż-żmien li jfakkarna aktar u aktar u jħejjina għat-tieni miġja ta’ Ġesù fil-glorja u għalhekk li jgħinna biex inħarsu kemm fil-passat kif ukoll fil-futur.
Fil-Kelma t’Alla llum għandna żewġ affarijiet li jgħinuna f’dan. San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, jgħid kemm huwa importanti li aħna nevitaw dak li hu ħażin, negħelbu dak li hu ħażin. Isemmi l-ikel, ix-xorb żejjed, is-sokor, isemmi t-tbaħrid, isemmi l-ġlied u l-għira (Rum 13:13), dak kollu li jista’ jfixkel lilna fil-ħajja tagħna għax hu ħażin.
Imma mbagħad Ġesù jgħid ħaġ’oħra: mhux biss dak li hu ħażin irridu bil-qawwa tiegħu negħelbuh, imma jfakkarna kemm huwa importanti li aħna ngħixu l-ħajja tagħna mhux aljenati, mhux qisna moħħna fl-affarijiet li jgħaddu u ninsew dak li jibqa’ għal dejjem. Dik it-talba li se ngħidu fl-aħħar tal-quddiesa, nitolbu lill-Mulej biex jgħinna li nużaw tajjeb il-ġid li jgħaddi b’mod li ma nitilfux il-ġid li jibqa’ għal dejjem, li qalbna norbtuha ma’ dak li jibqa’ għal dejjem.
Ġesù jsemmi kemm huwa importanti li aħna nkunu ppreparati. Ma jsemmix lil min kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina imma min kien qed jagħmel xi ħaġa tajba, min kien qed jaħdem, min kien fl-għalqa. Imma dil-kelma ta’ Ġesù tgħidilna rridu nkunu ppreparati, jiġifieri mhux aljenati. U nifhmuh lil Ġesù għax kultant fil-ħajja tagħna jiġrilna hekk: illi nittieħdu ħaġa wara l-oħra dak li rridu nagħmlu minn ġurnata għall-oħra, minn ħin għall-ieħor – qed ngħid anke affarijiet tajbin – imma kultant ma naħsbux biżżejjed fuq dak li jibqa’ għal dejjem.
U għalhekk it-talba tagħna li nagħmlu llum fil-bidu tal-Avvent huwa li l-Avvent jgħinna biex aħna dejjem norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem u nużaw il-ġid ta’ hawn u nużaw iż-żmien ta’ hawn, dak li jgħaddi, b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem.
Ħa nsemmi eżempju, pereżempju dak li jkun għandna l-flus, propjetà, dak li jista’ jkollna li huwa meħtieġ għall-ħajja, li huwa tajjeb li jkollna ħajja li ngħixuha serena u f’kumdità, imma jekk norbtu qalbna ma’ dak li jgħaddi, nafu li dan f’mument minnhom se jispiċċa fix-xejn u allura qalbna ma rridux norbtuha ma’ dak li jgħaddi imma dak li jibqa’ għal dejjem, jiġifieri Ġesù u dak kollu li jfisser hu u l-Kelma tiegħu.
Nixtieq ħafna li f’din il-parroċċa intom tkunu tgħinu lil xulxin, ngħid anke l-arċipriet, is-saċerdoti, kull min jagħti s-sehem tiegħu hawnhekk fil-parroċċa, tgħinu lil xulxin biex niftakru f’din il-Kelma ta’ Ġesù
Ġesù pereżempju jitkellem fuq l-imħabba, l-onestà, il-ġustizzja, is-sens ta’ servizz, li taħseb fl-oħrajn. Dawn huma kollha valuri li jibqgħu. Meta jiena nagħmel xi ħaġa u nagħmilha tassew bl-imħabba lejn l-oħrajn, dak li nkun għamilt jgħaddi, imma l-ispirtu li bih inkun għamilt dik il-ħidma għall-oħrajn, dak jibqa’ u nkun hemmhekk qed inqiegħed tassew l-ewwel dak li għandu jiġi l-ewwel, u dak li jibqa’ għal dejjem.
U għalhekk dik hija l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù llum u nitolbuh li l-Avvent jgħinna għal dan, jgħinna biex aħna dejjem ikollna qalbna dejjem miftuħa għalih, għall-preżenża tiegħu f’ħajjitna llum u li aħna norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. U b’dan il-mod inkunu qed inħejju għall-miġja tiegħu meta aħna niltaqgħu miegħu.
Jiena nixtieq ukoll nagħmlu din il-quddiesa fl-aħħar ta’ din il-Viżta Pastorali hawnhekk fil-parroċċa tal-Imsida, nixtieq ħafna li f’din il-parroċċa intom tkunu tgħinu lil xulxin, ngħid anke l-arċipriet, is-saċerdoti, kull min jagħti s-sehem tiegħu hawnhekk fil-parroċċa, tgħinu lil xulxin biex niftakru f’din il-Kelma ta’ Ġesù, ngħinu lil xulxin biex inkunu dejjem ippreparati, dejjem norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem, dak li l-iktar jiswa fil-ħajja u nagħmlu dan bil-ferħ.
Il-ħsieb ta’ meta aħna niltaqgħu ma’ Alla fl-aħħar ta’ ħajjitna, m’għandux inissel fina biża’ għalhekk għedna fis-Salm: “Immoru ferħana f’dar il-Mulej” (S 121:1). Il-laqgħa tagħna miegħu hija laqgħa sabiħa. Jekk aħna minn issa nagħtu piż li din il-Kelma tiegħu li tibqa’ għal dejjem, inkunu minn issa qed inħejju ruħna għall-mument li hu jseħħilna, il-mument li jafu hu u ma nafuhx aħna, u hemmhekk tkun tassew laqgħa sabiħa kif aħna nixtiquha u kif aħna naħdmu għaliha jekk ngħixu tassew il-Kelma ta’ Ġesù.
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta