• Is‑Sibt 2 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa u inawgura r‑restawr u t‑tisbiħ tas‑saqaf tal‑Knisja Parrokkjali tal‑Gżira.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali Gżira
    2 ta’ Lulju 2016
     
    Il-Mulej jibgħat “tnejn u sebgħin dixxiplu ieħor” (Lq 10, 1). Meta l-Evanġelju ta’ San Luqa juża’ l-kelma ‘oħrajn’ jew ‘tnejn u sebgħin oħra’, qed iġgħalna nistaqsu lilna nfusna: ‘imma għalxiex qiegħed jgħid?’ Dawn it-tnejn u sebgħin ma’ liema grupp ieħor jixxierku?
    Ir-risposta hija sempliċi ħafna. Ftit qabel, l-Evanġelju ta’ San Luqa jagħtina l-lista tat-tnax id- dixxiplu li l-Mulej għażilhom biex ikunu appostli. Jgħidilna li l-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra. Dawn huma dixxipli, huma wkoll mibgħutin. Il-kelma ‘appostlu’ ġejja mill-Grieg u tfisser ‘mibgħut’.  Minħabba li dawn huma wkoll mibgħutin, nistgħu nsejħulhom appostli, inkella dixxipli li huma mibgħuta fuq missjoni. Minn dan l-għerq allura aħna wkoll nitkellmu dwar l-appostolat, ix-xogħol li wieħed għandu jagħmel li huwa mibgħut.
    Innutaw li l-ewwel ħaġa li għamel Ġesù huwa li jibagħthom tnejn tnejn, mhux weħidhom. Diġa’ fil-komunjoni, fl-għaqda bejn dawn iż-żewġ dixxipli hemm il-wens u l-preżenza tiegħu. Il-Mulej jagħtina wkoll ir-regola dwar il-vokazzjonijiet u l-appostolat: “il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit”. Il-komunità għandha ħafna xogħol xi jsir u meta jonqsu l-ħaddiema, il-Mulej jagħtina dan il-parir: “itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” ( v. 2).
    Illum nixtieq ninkoraġġukom, għeżież membri ta’ din il-parroċċa għażiża tal-Madonna tal-Karmnu, l-Gżira biex titolbu lill-Mulej jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Għandkom lil Ryan li huwa seminarista minn din il-parroċċa. Huwa rigal sabiħ li din il-parroċċa qiegħda tagħti lill-Knisja, imma hemm bżonn ukoll tkomplu titolbu. Ryan diġa huwa frott tat-talb ta’ din il-parroċċa, inħeġġiġkom biex tkomplu titolbu ħalli din il-parroċċa tkompli tagħmel dan il-frott sabiħ: ħaddiema għall-ħsad tal-Mulej.
    Il-Mulej ma jaħbix l-isfidi li għandhom jaffaċċjaw l-appostli u lid-dixxipli tiegħu. “Morru! Araw qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (v. 3). Issa, immaġinaw intom, ġieli rajtu xi dokumentarju fuq l-annimali u fuq kif iġibu ruħhom, speċjalment meta jkun hemm l-ilpup u l-ħrief. Il-ħrief ma tantx għandhom ċans. Darba rajt dokumentajru fuq il-hyenas u huma naqra iżjed kattivi u slavaġ; tħallilhom ħaruf ma tantx jibqa’ minnu.
    Ġesù qed jibgħatna bħall-ħrief qalb l-ilpup. U l-mistoqsija li tiġina hija: ‘imma aħna kif se nsalvaw jekk bagħtna qalb l-ilpup?  “Tieħdux magħkom la but, la ħorġa, lanqas qrieq, fit-triq isellmu lil ħadd” (v. 4). Jiġifieri nagħmluha ta’ bdabat? Għandkom missjoni urġenti imma tavdawx fil-ġid ta’ din id-dinja, għax il-missjoni tagħkom mhix qiegħda biex tagħmlu l-flus, allura m’għandkomx bżonn but, lanqas biex toqgħodu tfaddlu r-rigali li jagħtukom in-nies. M’għandkomx bżonn ħorġa u lanqas qrieq spare, il-qorq li għandek, għax inti mhux qiegħed hemm biex tfittex l-unuri. Il-missjoni li se nibagħtek tagħmel bħal “ħaruf qalb l-ilpup” hija urġenti għalhekk fit-triq issellem lil ħadd, għax jekk tieqaf isellem, imbagħad tidħol id-dar, tiekol u tixrob, imbagħad taf inti xkora vojta ma tieqafx, imma xkora mimlija trid tistrieh u hekk ma jsirx xogħol, noqgħodu nsellmu lil xulxin il-ħin kollu.
    X’inhuwa r-rigal li l-Mulej jagħti lill-appostli, lid-dixxipli tiegħu biex iwasslu din il-missjoni tant urġenti u fl-istess ħin tant perikoluża? “Sliem lil din id-dar” ( v. 5).   Imma javżahom li intom veru se tieħdu s-sliem u ma ridtkomx tfittxu la l-ġid tan-nies, la l-favuri tagħhom, la l-unuri li jistgħu jagħtukom, is-sliem li se tagħtu huwa tiegħi. Imma ħa jgħidilhom: “se jkun  hemm min ma jilqagħkomx”. Jekk fiha “jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu, jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom” (v. 6). Imma s-sliem li jwasslu jridu wkoll iwasslu il-fejqan u jerġa’ jirrepeti “fejn tmorru jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom, fejqu lill-morda li jkun hemm, għidulhom li is-Saltna t’Alla waslitilkom. Imma jekk il-belt li fiha tidħlu ma jilqgħukomx” ( ara vv. 7-9). Il-Mulej qed javżana li mhux kulħadd se jilqa’ l-messaġġ u m’għandniex għalfejn nibżgħu. Hija missjoni perikoluża, hija missjoni li m’għandniex infittxu lilna nfusna, hija missjoni li se twassal il-paċi u fejqan imma mhux kulħadd se jilqagħha. “Sat-trab tal-art ta’ beltkom, infarfru minn ma’ riġlejna” (v.11). Qed jgħidilna li r-responsabbiltà ta’ min  ma jilqagħkomx huwa fuqu. Mela mhux qed jgħidilna: ‘isma’ ma jilqgħukomx, kunu vjolenti magħhom jew aggressivi’, le! Ma laqgħunix, immorru post ieħor, imma xorta kunu afu “li s-Saltna t’Alla waslet”.
    It-tnejn u sebgħin obdewh: marru ħabbru s-sliem, sabu min jilqagħhom, kien avzahom ukoll li kien hemm min ma laqgħahomx, imma reġgħu lura entużjażmati għax mal-paċi li wasslu, wasslu wkoll il-fejqan. U jgħidulu anzi: “Mulej, ix-xjaten ukoll qagħdu għalina minħabba ismek” (v.17). Dawn it-tnejn u sebgħin, kellhom esperjenza tal-qawwa tal-kelma u tal-Isem ta’ Ġesù. Huma wasslu l-paċi tiegħu, ħabbru li s-Saltna t’Alla waslet, fejqu l-morda f’Ismu bil-qawwa tal-Isem qaddis tiegħu, u jgħidulu: “saħansitra x-xjaten kienu joqgħodu għalina minħabba f’ismek”.
    Hu kkonferma: “Iva, jiena kont narah lix-xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema” (v.18). U jikkonferma s-setgħa li ta lid-dixxipli, lilna, araw tagħkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u tegħlbu kull qawwa tal-għadu u l-ebda ħsara ma jagħmlulkom” (v.19). Bagħtna bħal “ħrief qalb l-ilpup” imma pproteġiena, bagħtna bħal ħrief biex aħna ma jkollniex tama fis-saħħa tagħna, biex aħna nirrealizzaw li l-għadu, kieku kollna nistrieħu fuq il-qawwa tagħna, se jirbħilna żgur.
    Meta Ġesù jgħidilna, “ebda ħsara ma jagħmlulkom” mhux għax aħna bravi jew kapaċi, imma għax aħna mħarsin minnu. “Madanakollu mhux b’dan ifirħu li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet” (v. 20). Li aħna obdejnih, avdajna fih waqt li qed nagħmlu l-missjoni tagħna ma fittixniex la privileġġi, la flus, la unuri, imma wassalna dak li hu tiegħu. Bħalma qal Pietru lil dak il-mifluġ mit-twelid: “fidda u deheb m’għandix dak li għandi nagħtik, f’isem il-Mulej Ġesù, qum u imxi” (Atti 3, 6). 
    Meta mmur l-iskejjel, nieħu pjaċir nagħmel djalogu maż-żgħażagħ tagħna, mal-istudenti. Waħda mill-mistoqsijiet li jagħmluli ż-żgħażagħ hija dejjem din: ‘Il-Knisja li għandha tant fidda u deheb, għax ma tagħtihomx lill-foqra?’ U jiena nifhem xi jridu jgħidu. Aħna l-fidda u d-deheb li għandna, anke fil-knejjes anke f’din il-knisja sabiħa, isir ċomb ma’ saqajna u ma jdejna jekk aħna ma nieħdux ħsieb lil min fil-komunità tagħna għandu bżonn l-għajnuna. Ħa nkellimkom ċar. Jiena ħadt pjaċir għax verament statwa sabiħa, qatt ma kont innotajtha daqshekk. Lill-kappillan għidltu: ‘imma din!’. Qalli: ‘dik ta’ Lecce’. Għidtlu: ‘kemm hi sabiħa’. Nispera li fil-ġenna hekk tkun għax verament sabiħa l-Madonna. Dik hija statwa tal-kartapesta, u ta’ Lecce suppost tkun tal-kartapesta mill-iżjed fin. Hawn l-artisti hawn, jgħallmuni huma,
    Imma jiena, billi nifraħ bi statwa tal-kartapesta sabiħa ħafna, imbagħad lil ħija tad-demm u l-laħam, għandi għalih lanzita minn hawn sa Manoel Island,  X’jiswa? Jekk aħna ndehbu l-knisja u nagħmlulha l-lavur sabiħ, mbagħad il-fqir li jħabbat fuq il-bieb tal-parroċċa, m’għandniex x’nagħtuh, x’jiswa? Jekk aħna ngħidu: ‘Ġesù iva, il-Knisja le’, x’jiswa? Aħna rridu li l-Knisja tkun sabiħa għax aħna nagħmluha sabiħa bid-deċiżjonijiet tagħna. X’jiswa li aħna ngħidu: ‘viva l-Madonna tal-Karmnu’ imma mbagħad jekk naraw mara li għandha ġilda skura fit-triq jew liebsa mhux bħalna, niskartawha, ngħidu: ‘x’għarukaża fiex wasalna, ara naqra!’ 
    U l-aħħar l-aħħar, għax qed niftakar fil-ġebla, dik il-ġebla xi tfisser? Veru mid-dehra kien fis-sakra dal-baħri, ma nafx x’kien jien, imma hawnhekk beda minn inċident li l-poplu ħass li kellu jpatti għalih. Dik il-ġebla li weħlet fil-ħġieġa tal-kwadru tal-Madona tal-Karmnu, kienet ġebla li l-gwarniċ, il-ħġieġ setgħet għamlitu ragħad bħal dawk li jridu jkissru x-xbieha ta’ Ġesù Kristu minn qalbna u mis-soċjetà tagħna. Ir-risposta tal-Mulej ma kinitx li tisħet lil min waddab il-ġebla imma li twaqqaf il-ġebla. Mela aħna mhux nikkundannaw lin-nies jew lil xulxin, ma nikkundannawx lil min waddab il-ġebla imma nwaqqfu l-ġebla bl-imħabba u l-maħfra tagħna. Illum m’hawnx ġebel tal-franka, hawn is-social media li bih nippruvaw inkissru lil xulxin. X’risposta se tkun  tagħna? Dik hija li tgħallimna l-Madonna tal-Karmnu hawnhekk mhux li tkisser lil min għamel id-deni imma li twaqqaf il-ħsara bil-ħniena u bil-maħfra. U hekk “isimna jkun miktub fis-smewwiet”.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta
     

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    fl-inawgurazzjoni tar-restawr tas-saqaf tal-Knisja Parrokkjali tal-Gżira
  • Illum qed ninawgura din il-biċċa xogħol li tagħti dinjità sabiħa lil din il-knisja għażiża. Nixtieq nirringrazzja lil Dun Karm, lis-saċerdoti li jaħdmu f’din il-Parroċċa imma nixtieq ukoll nirringrazzja lilkom tal-preżenza sabiħa tagħkom, lilek Maestro tal-quddiesa li għoġbok tikkomponi u tinawgura llum, lill-banda Mount Carmel u lill-kor tal-Parroċċa li lkoll nixtieq nagħtukom applaws. Bravi, u nawgura li jkollok anke alljevi, bħalma jien nawgura li jkollna iktar seminaristi, għax kulħadd huwa importanti fil-Knisja. L-Isqof u l-qassisin weħidna x’nagħmlu, noqgħodu induru bina nfusna?  Jiġifieri l-poplu t’Alla huwa importanti.
    Iż-żgħażagħ li jitħajru għas-sagrament taż-żwieġ huma essenzjali għax huma l-preżent u l-futur tal-Knisja. Imma anke qed nara ħafna senior citizens li ilhom ħafna żgħażagħ. Jiena nappellalkom biex titolbu ħafna għall-Knisja, għalina s-saċerdoti. U nieħu pjaċir jiena anke li għadha ħajja l-preżenza tal-kappillan Manchè. Anke fil-preżenza tas-Sindku, ħa ngħidha: inħobbu n-nies bħalma kien iħobb in-nies tal-Gżira, il-kappillan Manchè, persważ li tista’ tagħmilha.
    Jiena nawguralkom li dan ir-restawr tgawduh, billi l-knisja verament tkun id-dar t’Alla u tal-poplu tiegħu u tħajru liż-żgħażagħ ukoll, għalhekk jiena nixtieq li intom titolbu għaż-żgħażagħ tagħna biex fil-knisja jħossuhom at home.
    Jiena nirringrazzjakom ħafna tat-talb tagħkom, u ta’ kull ma tagħmlu, jien persważ anke tal-ispirtu tal-koperazzjoni bejn il-knisja, il-kappillan u l-Parroċċa u l-Kunsill Lokali, nixtieq ħafna li tkompli. Aħna qaddejja tas-soċjetà, il-ferħ tiegħi jkun meta nara koperazzjoni sabiħa bejn l-Istat u l-Knisja, bejn il-Parroċċa u l-Kunsill Lokali. Dan nawgura u nitlob biex il-poplu jħossu verament fil-paċi soċjali u qed igawdi l-ħajja kif għidna. Il-ġenna mhux illum biss, għoġbitni ħafna r-riflessjoni tiegħek Aldo. Meta tħares lejn is-saqaf tal-knisja, “ftakar fiċ-ċelu”, kienu jgħidu, fis-sema. Illum li inawgurajtu dan is-saqaf tassew dinjituż, ngħidilkom f’isem Kristu: isimkom miktub fis-smewwiet. Kunu mberkin.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
    Photos: Curia Communications Office, Gżira Parish Facebook Page