-
Nhar it-Tnejn 19 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ mal-għalliema, LSAs u Kindergarten assistants ġodda li ġew impjegati mal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex. Il-laqgħa saret f’St Paul’s Missionary College, ir-Rabat.
Message by Archbishop Charles J. Scicluna
-
St Paul’s Missionary College, Rabat
19 ta’ Settembru 2016
Jiena nixtieq nagħtikom kelma ta’ merħba, u nsellmilkom individwalment. Qed niftakar fi frażi li għandna bit-Taljan – Ruma kont nismagħha ħafna: ‘la gratitudine è la virtu del giorno prima’, il-gratitudni huwa virtù, imma kienu jgħiduha fis-sens li int, jekk għandek eżami, lill-professur ir-rigal tagħtihielu qabel l-eżami, mhux wara. Ovvjament l-intenzjoni mhux sabiħa ħafna imma jiena nixtieq nirringrazzjakom fil-bidu ta’ din il-missjoni tagħkom.
Kif tafu hija missjoni għażiża ħafna għall-Knisja għaliex mhux biss is-Sena tal-Ħniena tfakkarna li hija opra ta’ ħniena imma mhux tal-ħniena li tgħid ‘miskin’ imma għaliex l-edukazzjoni tassew tgħallem lill-bniedem jikber fid-dinjità u fl-istess ħin, jekk huwa ġej minn ambjent li jferieħ, l-edukazzjoni għandha wkoll din il-missjoni li tfejjaq.
Ħaġa li tippreokkupani ħafna hija li t-tfal jiġu għandna, miċ-ċokon, għax għandna l-kindergarten ukoll. Inħossni li ma’ grupp ġdid ta’ kollaboraturi, hemm bżonn ngħidha. Il-ħaġa li tinkwetani hi li t-tfal jiġu għandna, isibu ambjent li jikkalmahom, li jagħtihom kuraġġ, imbagħad iridu jerġgħu jmorru f’ambjent li inti dak li tkun bnejt matulek ja ġurnata, jerġa jinħatt. U inti tħoss li qiegħed taħdem tagħżaq fl-ilma, taħsel il-faħam, kulma tagħżel isir suf, jgħidu wkoll. Jiena nixtieq nagħmlilkom kuraġġ, ma naqtgħux qalbna, anke jekk ġurnata wara ġurnata nirrealizzaw li l-proġett li għandna qed jieħu bil-mod. Illum għandna l-grazzja, għalkemm hija wkoll sfida kbira li il-catchment area tagħna hija Malta kollha imma kull min hu interessat li t-tfal tiegħu jkunu fl-iskejjel tal-Knisja, għandu dritt japplika imbagħad hemm il-lotterija, din l-imbierka lotterija. Intom kif tafu,li d-domanda hija kbira u dak li nistgħu nipprovdu ma jlaħħaqx għad-domanda.
Intom se tkunu wkoll – u hawnhekk bilfors ngħidilkom grazzi minn quddiem – dawk li se tkomplu tagħtu lill-iskejjel tal-Knisja l-fama tajba li għandhom. Tgħiduli: ‘imma aħna miksijin bid-difetti wkoll’, min mhuwiex miksi bid-difetti? Mhux dak qed inqis, qed inqis t-teamwork, il-fatt li l-bniedem iħossu dedikat, iħossu mhux qiegħed biss għall-paga – meta tiġi fl-aħħar tax-xahar? Nisperaw dejjem tiġi fl-aħħar tax-xahar. Dik għandek dritt għaliha u nawguralek li tonfoqha tajjeb u tgawdi l-ħajja, imma allaħares dak li dħalt għalih l-unika ħaġa li jinteressak huwa ċ-ċekk għall-aħħar tax-xahar. Allaħares! Għax inkella ħajtek ma jkollhiex ħafna sens.
Jiena nawguralkom ukoll li l-ħajja tagħkom bħala għalliema u LSAs fil-kuntatt tagħkom mat-tfal tikbru fl-imħabba lejn l-istudenti, anke lejn it-tfal żgħar u tikbru wkoll fil-missjoni ta’ għalliema. Il-Papa m’ilux għamel diskors u dwar l-għalliema qal huma ‘benefatturi kbar tal-umanità’, għaliex l-għalliema jridu jkunu dawk, b’mod speċjali fiċ-ċokon, li lit-tfal jagħtuhom ideal. Anke jekk qed tgħallem suġġett li jista’ jkun għalik monotonu, u għat-tfal iżjed, inti tista’ bl-imġiba tiegħek, bl-entużjażmu tiegħek, bid-dedikazzjoni tiegħek, tkun ta’ eżempju.
Ħa nħarsu lejn l-esperjenza tagħna. Jekk inti tistaqsini ngħamillek xi ħaġa tal-alġebra, inħokk rasi, imma l-eżempju li ħadt minn ħafna għalliema anke jekk is-suġġett tagħhom żviluppali moħħi u ma baqa’ xejn minnu, imma hemm l-effett fiċ-ċokon, l-eżempju tagħhom jibqa’, ma jħassaruli ħadd. L-eżempju tal-edukazzjoni, ta’ mħabba, tal-fatt li inti tinduna, anke jekk tkun żgħir, li l-għalliem ikoreġa l-homework – ma nafx jekk għadhiex issir din, ikollhom jikkoreġu l-homework, imma għadu l-homework jagħmluh id-dar it-tfal? Kultant ikellmu lill-ġenituri għaliex ma jkunux jafu kif se jagħmlu, “das-suġġett qatt ma għamiltu jien”. Inti waqt li qed tikkoreġi b’ċerta imħabba, b’ċerta reqqa, mhux jiġifieri qed tara logħba futboll u tikkoreġi, jekk jista’ jkun, jew xi sensiela jew xi soap opera u tikkoreġi, għax ċerti affarijiet ineħħulna l-konċentrament. Dak l-istudent (jirrealizza li t-teacher), it-tifel jew tifla tkun għamlet sforz hi, l-ġenituri, in-nannna, ġeneralment in-nanna iżjed mill-ġenituri, u z-zija u l-kuġini, u l-għalliem ukoll se jagħmel l-isforz.
Jiena wkoll nawguralkom li fejn tmorru ssibu ambjent li mhux biss jilqagħkom u jagħmlilkom kuraġġ imma wkoll li intom tkunu parti minn tim ikbar, mhux faċli. Il-kelma faċli tgħidha, biex taħdem ma’ ħaddieħor trid tagħraq l-għaraq tad-demm. Naf li qed nitlobkom xi ħaġa li tista’ tkun iebsa f’ċerti mumenti imma għandi tama mhux biss fiż-żelu żgħażugħ tagħkom, imma anke fil-ġenerożita’ tagħkom.
Intom se tmorru f’diversi skejjel, naħseb hawn diversi skejjel rappreżentati wkoll – l-Għawdxin min huma li se jgħallmu Għawdex? L-ewwelnett sellulu għall-Isqof Mario imma f’Malta u Għawdex imma diversi skejjel li għandhom wkoll mhux biss ambjent fiżiku partikolari imma anke patrimonju spiritwali partikolari. Tgħidli: ‘dan xi jfisser?’ Sacred Heart, ħa nipprova niftakar xi wħud minnhom, is-seminarju mod, id-Dorotej, Għawdex hemm il-konservatorju u hemm is-seminarju. Hemm il-Primarji wkoll. Il-Primarji ħafna drabi huma ukoll għax hemm reliġjużi għandhom il-Primarji. Dawn għandhom kollha tradizzjoni spiritwali, Tgħidli: ‘jien ma naf xejn fuq San Injazju imma se ngħallem mal-Ġiżwiti’, jew mad-Dumnikani, jew mas-sorijiet. Tajjeb tinteressa ruħek fuq l-istorja tal-iskola, il-patrimonju spiritwali, għaliex? L-ewwelnett dik lilek tgħinek tifhem l-ambjent, mhux fiżiku biss, imma anke storiku, spiritwali fejn qed tgħallem, u t-tieni inti trid twassal lill-istudenti anke jekk qed tgħallem il-geography jew il-maths, imma bl-imġiba tiegħek, bl-eżempju tiegħek, bil-kumment tiegħek, jew bir-risposta għal domanda, inti se twassal patrimonju spiritwali kbir. Trid tkun tafu dan inkella ħadd ma jagħti milli m’għandux.
Jiena l-ħajja personali tiegħek mhux se nindaħal fiha, għax il-ħajja personali tiegħek hija l-ħajja personali tiegħek. Il-ħajja personali tagħna hija magħmulha mill-għażliet li nagħmlu kuljum. Il-bieraħ fl-Evanġelju smajna lil Ġesù jgħid: “min hu fidil fil ftit, huwa fidil fil-ħafna” (Lq 16, 10). Jiena nissuġġerilkom li l-missjoni tagħkom teħduha wkoll bħala sejħa għall-ħajja eżemplari. Għax illum iż-żgħażagħ jikbru – orrajt intom tgħiduli ‘aħna għadna żgħażagħ’ – imma llum dan l-imbierek Facebook, per eżempju – apparti Twitter – kulħadd jikxef imnieħru fuq l-imbierek Facebook. Iż-żgħażagħ jgħidulek: ‘issa s-sir, mhux aħjar jara hu, x’poġġa fuq Facebook?’. Suppost ma jkunux ‘friends’ tagħkom, suppost. Għax illum hawn ħafna ‘fake profiles’ ukoll u ma tkunx taf min qed isegwik. Inti tinsiex li għandek vokazzjoni, ma ngħidx pubblika – m’intix l-Isqof jew politiku – imma għandek rwol importanti fis-soċjetà, mhux biss fil-komunità tal-iskola imma anke fis-soċjetà.
Jiena nawguralkom ukoll din il-kapaċità li tagħmlu d-dover tagħkom imma fl-istess ħin tridu tagħmlu distinzjoni bejn ix-xogħol u l-professjoni tagħkom u l-ħajja tagħkom biex ma titkissrux. Jekk fl-iskola għandek sitwazzjoni iebsa, ma tistax iġġorrha kullimkien miegħek. Tgħidli: ‘ma nistax nagħmel mod ieħor’. Le, inti qalb waħda għandek, qed nissuġġerilkom titgħallmu ċerti affarijiet ma jgħabbukomx b’mod li jkissrukom. Bħal tabib, li l-ħin kollu jara l-mard u l-ferimenti – irid ikollu ċans jaqta’ minn dak il-mument li jkun tant iebes. Intom tafu wkoll li se tiltaqgħu ma’ tfal per eżempju li għandhom diffikultajiet kbar, forsi anke ma’ problemi li hemm fl-iskola jew inkella bejn l-għalliema wkoll, allura inti trid tgħid: ‘jiena għamilt id-dover tiegħi’. Naħseb li din hi importanti. Tgħid ‘jien għamilt id-dover tiegħi’ u nħalli li jkolli ċans għalija nnifsi u għall-mistrieħ.
L-aħħar ħaġa. Jiena nitlobkom dak li se nagħmel għalikom tagħmluh għall-istudenti. Jiena se nżommkom fit-talb tiegħi bħala kollaboraturi tiegħi, tal-Knisja fil-missjoni li tgħallem lil min ma jafx, li tfejjaq lil min hu ferut, li tagħmel kuraġġ lil min hu għaddej tajjeb. Jiena nixtieqkom ukoll kuljum – anke din tgħinha wkoll – tafdaw lill-istudenti li jkollkom, lit-teachers sħabkom u lill-kapijiet tagħkom f’idejn il-Mulej. Tgħallmu itolbu, mhux bilfors tgħidu r-rużarju, ħaġa qaddisa r-rużarju, imma jekk inti għandek mod ta’ talb forsi iżjed informali, użaħ, kellem lil Ġesù fuq l-istudenti tiegħek, fuq is-sitwazzjoni personali tiegħek, u meta tħossok imtaqqal, jew tħossok mgħaffġa bix-xogħol, tkellem – intom veru heroes tat-tfal – imma tgħamluhiex ta’ heroes. Jekk jien għandi problema, irrid nitkellimha ma’ min suppost biex ikolli l-għajnuna neċessarja, għax aħna m’aħniex heroes, aħna wkoll jkollna l-mument li għandna bżonn l-għajnuna ta’ xulxin.
Jiena nberikkom, nawguralkom ħafna, nagħmlilkom kuraġġ kbir u nirringrazzjakom. Awguri li dħaltu f’din il-missjoni flimkien mal-Knisja f’Malta u Għawdex u jiena wkoll nitlobkom twasslu t-tislija personali tiegħi lill-ħbieb tagħkom, lill-għeżież tagħkom, lill-familji tagħkom. Kunu mberkin u grazzi.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta