-
-
Il‑Knisja f’Malta ser tagħti bidu għall‑kawża tal‑beatifikazzjoni u l‑kanonizzazzjoni tal‑Qaddej ta’ Alla, Patri Avertan Fenech, Karmelitan. Dan wara li l‑Arċisqof Charles J. Scicluna laqa’ t‑talba tal‑postulatriċi ġenerali Dr Giovanna Brizi biex jitwaqqaf Tribunal li jisma’ l‑kawża tiegħu. Dan se jsir nhar il‑Ħamis 2 ta’ Frar 2017, Jum il‑Ħajja Kkonsagrata, waqt ċelebrazzjoni mmexxija mill‑Arċisqof fil‑Knisja tal‑Karmnu l‑Imdina, fil‑5:00 p.m. Il‑ftuħ tal‑kawża huwa meqjus bħala l‑ewwel seduta tat‑Tribunal li jagħti bidu għal dan il‑proċess Djoċesan.
Patri Avertan Fenech twieled il‑Mosta fl‑10 ta’ Lulju 1871. Għamel il‑professjoni reliġjuża fl‑Ordni Karmelitan fl‑1892 u ġie ordnat saċerdot fl‑1896. Fil‑ħajja reliġjuża tiegħu spikkaw b’mod speċjali l‑virtujiet tal‑modestja, l‑umiltà, il‑faqar u s‑safa, li kienu jqanqlu lin‑nies jersqu għandu għall‑qrar u d‑direzzjoni spiritwali.
-
-
-
Huwa kellu diversi responsabiltajiet u qeda diversi uffiċċji fl‑Ordni Karmelitan, fosthom bħala viċi‑surmast u mbagħad bħala surmast tan‑novizzi għal 26 sena. Huwa wettaq dan il‑ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt idejh.
Il‑qdusija u l‑virtujiet tiegħu spikkaw l‑iktar fi żmien il‑mard kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl‑1932, li ħallih b’ġismu nofsu pparalizzat u b’fommu mbikkem. Is‑sodda tal‑mard u s‑siġġu tar‑roti li fuqhom dam għal 11‑il sena u nofs saru mhux biss is‑salib tiegħu imma wkoll il‑pulptu li minn fuqhom kien iwassal l‑Evanġelju. Patri Avertan qatt ma kien predikatur, leħnu ma kienx jagħtih, imma dejjem ippriedka bl‑eżempju ta’ ħajtu.
Patri Avertan miet fl‑1 ta’ Novembru 1943 u ma’ mewtu xterdet il‑fama tal‑qdusija. Bosta huma dawk li jżuru l‑qabar tiegħu fil‑Kappella tal‑Lunzjata (tal‑Karmnu), l‑Imdina, biex jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl‑interċessjoni tiegħu.
Patri Avertan huwa mudell għar‑reliġjużi kollha fl‑għażla ta’ Alla fl‑ewwel post ta’ ħajjithom. Bħala saċerdot ifakkar u jqanqal bl‑eżempju ta’ ħajtu lis‑saċerdoti biex jingħataw għall‑qrar u d‑direzzjoni spiritwali. F’dinja u kultura li tiddiskuti dwar jekk il‑ħajja għandiex tintemm f’kaz ta’ mard terminali, Patri Avertan jiddi bħala mudell u xempju tad‑dinjità tal‑bniedem u l‑valur tal‑ħajja f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija.
L‑Ordni Karmelitan qed jitlob lil kull min għandu xi kitba ta’ Patri Avertan Fenech, biex jgħaddiha fil‑Kanċellerija tat‑Tribunal Metropolitan tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, il‑Belt Valletta.
Agħfas hawn biex tniżżel l-Editt tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech.