-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Kappella tal-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard
14 ta’ Diċembru 2018Hija okkażjoni tassew sabiħa li qed ninġabru llum viċin il-festa tal-Milied biex nirringrazzjaw lil Alla u nitolbuh l-għajnuna tiegħu. Nixtieq nagħmel tliet punti ta’ riflessjoni għalina lkoll.
Is-smigħL-ewwel nett, l-importanza tas-smigħ. Qabel xejn, nisimgħu lil Alla u niftħu qalbna għalih, li hu l-edukatur ewlieni tagħna. Fl-ewwel qari, smajnieh jgħid: “Jien hu l-Mulej Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17). Għalhekk jitkellem fuq li nagħtu widen għalih. Hu dan is-smigħ li jgħinna kontinwament fil-mixja ta’ ħajjitna u fil-konverżjoni tagħna.
Imbagħad nisimgħu wkoll lil xulxin. Nafu kemm hu meħtieġ is-smigħ f’kull qasam tal-ħajja, imma speċjalment fl-edukazzjoni fejn parti importanti ħafna mill-proċess tal-edukazzjoni hu s-smigħ. Is-smigħ jgħinu nkunu attenti għar-realtà ta’ xulxin, tal-edukaturi li qed naħdmu magħhom u tal-istudenti. Hu permezz tas-smigħ li aħna nistgħu verament nakkumpanaw bil-paċenzja u bl-imħabba lill-oħrajn, kif Papa Franġisku talab minna fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium. Kif jispjega hu tant tajjeb, is-smigħ hu dejjem l-ewwel parti tad-djalogu.
Ħafna drabi hu n-nuqqas ta’ smigħ li ma jħalliniex napprezzaw lil xulxin, il-ħafna tajjeb li għandna f’ħajjitna, kif ukoll it-tbatijiet, l-uġigħ tal-ħajja. Għalhekk, irridu negħlbu l-ostakli li ma jħalliniex immorru ras il-għajn biex nisimgħu.
It-talba li nixtieq nagħmel: Mulej, agħtina l-grazzja li nkunu nies li nisimgħu.
L-għerfMas-smigħ, neħtieġu l-għerf. Dan jgħinna biex nagħżlu bejn il-veru u l-fake. Ġesù jsemmi fl-Evanġelju fuq kemm il-ġudizzji tan-nies kienu żbaljati. Dwar Ġwanni l-Battista, qalu: “għandu fih xitan”; dwar Ġesù: “wikkiel u sakranazz”. Huma fake judgements – tant komuni – li jagħmlu ħafna ħsara u jxerrdu l-preġudizzji.
L-għerf jgħinna nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fis-Salm naqraw: “Ħieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa” (Salm 1:1). Partikolarment tolqotni l-espressjoni “il-laqgħat taż-żeblieħa” għax qisha deskrizzjoni ta’ dak li kultant niltaqgħu miegħu fis-social media – nies li jinsultaw u jżebilħu lil xulxin.
Meta ngħidu l-għerf, m’aħniex nifhmu biss l-għerf tal-moħħ imma wkoll tal-qalb. L-ilment li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju jmiss il-qalb: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom in-niket u ma bkejtux” (Mt 11:17). San Ġwann tas-Salib, li tiegħu qed nagħmlu t-tifkira llum, li kien teologu u poeta, kien jgħaqqad b’mod sabiħ ħafna l-għerf tal-moħħ u tal-qalb.
Nagħmel ukoll din it-talba: Mulej, agħtina l-għerf tiegħek—l-għerf tal-moħħ u tal-qalb—biex nagħrfu nagħżlu bejn il-veru u l-fake, it-tajjeb u l-ħażin.
L-azzjoniMeta nisimgħu lil Alla u lil xulxin, u fid-dawl tiegħu nagħżlu dak li hu veru u tajjeb, inkunu qegħdin fit-triq tad-dixxerniment li bih nistgħu nagħrfu dak li Alla jrid minna llum. Hu jagħtina l-qawwa biex nagħmluh. Id-dixxerniment hu importanti ħafna fil-ħajja tagħna Nisranija. Jitlob formazzjoni kontinwa. U għandu jwassal għal azzjoni.
San Ġwann tas-Salib hu eżempju sabiħ ta’ dan. Kien riformatur kbir, li għaqqad flimkien is-smigħ u l-għerf mal-azzjoni. Fil-fatt, tolqtok ħafna d-determinazzjoni tiegħu akkost ta’ xkiel u diffikultajiet minn sħabu stess, li tefgħuh fil-ħabs biex jippruvaw isikktuh u jiżolawh.
Meta ngħidu ‘azzjoni’, qed nitkellmu fuq ħidma li tkun magħmula wkoll f’għaqda u f’kollaborazzjoni. It-tema ‘Together we make a difference’—it-tema magħżula għal din is-sena—hi tema li tagħtina ispirazzjoni kbira. Hemm bżonn li nsaħħu l-għaqda fid-diversi oqsma fl-edukazzjoni fis-Segretarjat. Jekk ikun hemm l-impenn għall-għaqda u l-kollaborazzjoni nkunu diġà qed nagħtu xhieda u nkunu f’pożizzjoni aħjar biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba li tittrasforma għat-tajjeb.
It-tielet talba li nixtieq nagħmel: Mulej, agħtina l-grazzja li nkunu nies ta’ azzjoni, u din nagħmluha f’kollaborazzjoni u għaqda bejnietna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti