-
-
Il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu 2019, waslet fi tmiemha l-viżta pastorali ta’ Mons. Giovanni Cefai MSSP, permezz taċ-ċelebrazzjoni ta’ Quddiesa Pontifikali b’konċelebrazzjoni mal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. L-Isqof Għawdxi, li nħatar Isqof tal-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù iktar kmieni din is-sena, spjega kif din il-viżta se takkumpanjah għal ħafna żmien minħabba li ħass u għex l-imħabba tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Quddiesa saret nhar il-festa ta’ Santa Rosa ta’ Lima, jum importanti ħafna għall-Perù, ċelebrat f’iktar minn 31 knisja dedikati lilha fil-Perù. L-Isqof Għawdxi spjega dwar kif din il-qaddisa għexet ħajja ta’ penitenza, karità u talb; u offrielha l-episkopat tiegħu: “Agħtini l-grazzja li ngħix kif għixt int: fl-umiltà, fis-sempliċità, fit-talb, fil-karità.”
Temm l-omelija tiegħu billi rrakkonta awgurju li messlu qalbu u ruħu, li għamillu ħabib tiegħu, meta sar jaf bil-ħatra tiegħu bħala isqof fil-Perù: “Giovann wegħedni li qatt ma ssir isqof imma li l-isqof isir int, li l-isqof jidħol fik… Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna ngħixu dak li aħna, dak li Alla jixtieq minna u allura fost affarijiet oħra hija l-imħabba, il-ħniena u l-umiltà.”
-
-
-