L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum niċċelebraw, b’radd il-ħajr lill-Mulej, l-anniversarju tad-dedikazzjoni ta’ dan il-Katidral għażiż tagħna. F’dan il-jum ma niċċelebrawx biss bini sabiħ tal-ġebel, tal-irħam u tal-arti, imma niċċelebraw dar li ġiet ikkonsagrata lil Alla, post fejn il-komunità Nisranija tinġabar biex tisma’ l-Kelma tiegħu, tiċċelebra l-Ewkaristija, titlob, tirċievi l-ħniena u terġa’ tintbagħat fid-dinja biex tgħix l-Evanġelju. Post ukoll speċjali għax f’din il-knisja hawn il-kattedra tal-isqof.

L-Evanġelju tal-lum huwa tant xieraq għal din l-okkażjoni. L-istorja ta’ Żakkew tista’ ssir ukoll l-istorja ta’ dan il-Katidral u, fuq kollox, l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna li jidħol minn dawn il-bibien ifittex lill-Mulej.

Xewqa li jara

L-Evanġelju jgħidilna li Żakkew kellu xewqa kbira li jara min kien Ġesù. Imma bejn Żakkew u Ġesù kien hemm ostaklu: il-folla. Żakkew kien bniedem ta’ statura żgħira u, minħabba l-folla, ma setax jara lil Ġesù. Madankollu ma qatax qalbu. Ma qalx “M’hemm xejn x’nagħmel; hemm wisq nies; aħjar immur lura”. Għall-kuntrarju, ġera ’l quddiem u tela’ fuq siġra tat-tin selvaġġ biex seta’ jara lil Ġesù (ara Lq 19:4). Hemm xi ħaġa tassew sabiħa f’dan il-ġest ta’ Żakkew, għax fih naraw li l-laqgħa ma’ Kristu ħafna drabi tibda bix-xewqa u bl-isforz tagħna biex infittxuh, minkejja dak kollu li jista’ jfixkilna.

Żakkew jgħallimna li ma għandna qatt inħallu l-folol – jiġifieri l-ġudizzji, il-preġudizzji u l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor – ikunu ta’ ostaklu li jwaqqafna milli nfittxu lil Ġesù. Jekk hemm xewqa vera li narawh, irridu nsibu wkoll it-triq biex noqorbu lejh.

U hawn tidħol ukoll il-missjoni ta’ dan il-Katidral. Għax Katidral għandu jkun post fejn il-bniedem jista’ jidħol u jfittex lil Ġesù. Xi wħud jidħlu hawn b’fidi qawwija; oħrajn forsi jidħlu b’ħafna mistoqsijiet. Xi wħud jiġu bil-qalb mimlija ferħ, oħrajn jiġu mgħobbija bil-weġgħat u bit-tbatija. Imma kull min jgħaddi minn dawn il-bibien għandu jkun jista’ jħoss li hawn jista’ jiltaqa’ ma’ Ġesù. U aħna, bħala Knisja, irridu noqogħdu attenti li qatt ma nsiru aħna stess dik il-“folla” li ma tħallix lil xi ħadd jara lil Ġesù.

Ħarsa tiltaqa’ ma’ ħarsa

Imbagħad fl-Evanġelju jasal il-mument tal-għaġeb. Żakkew jitla’ fuq is-siġra biex jara lil Ġesù, imma Ġesù jieqaf, iħares ’il fuq u jħares lejh. U f’dak il-mument iseħħu żewġ ħarsiet li jiltaqgħu: il-ħarsa ta’ Żakkew, li kien qiegħed ifittex lil Ġesù, u l-ħarsa ta’ Ġesù, li kienet diġà qed tfittex lil Żakkew. Żakkew forsi ħaseb li kien hu li beda jfittex lil Ġesù, imma jiskopri li qabel ma għajnejh iltaqgħu ma’ dawk ta’ Ġesù, Ġesù kien diġà rah u kien jaf min hu.

Kemm hu sabiħ dan il-mument! Għax Ġesù ma jħarisx lejn Żakkew biex jikkundannah. Ma jarahx biss bħala pubblikan, bħala midneb, bħala bniedem involut f’prattiċi ta’ korruzzjoni. Ġesù jara l-persuna li hemm wara dak kollu; jara lil Żakkew bħala bniedem li għad għandu l-possibbiltà li jinbidel, bħala iben li Alla qatt ma jieqaf iħobb. In-nies setgħu jaraw fih biss it-tikketta tiegħu, imma Ġesù jara lil hinn mit-tikketta. Din hija waħda mill-isbaħ affarijiet li għandu joffri dan il-Katidral: post fejn il-bniedem jiskopri li Alla jarah, jafu, u ma qatax qalbu minnu.

Aħna ħafna drabi naraw lilna nfusna skont dak li għamilna jew skont dak li ħaddieħor jgħid fuqna. Imma l-ħarsa ta’ Ġesù hija differenti. Huwa jara l-feriti tagħna, imma jara wkoll dak li nistgħu nsiru bil-grazzja tiegħu. Jara d-dnub tagħna, imma jara wkoll il-qalb li tista’ terġa’ tibda. Jara l-passat tagħna, imma ma jħallix dan il-passat jagħlaq il-futur tagħna.

Isejjaħlu b’ismu

U mbagħad Ġesù jsejjaħ lil Żakkew b’ismu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). Ġesù ma jgħidlux, “Int, il-pubblikan,” jew “Int, il-midneb.” Isejjaħlu b’ismu. Din hija l-mod kif Alla dejjem jibda l-laqgħa tiegħu magħna: billi jsejħilna b’isimna u jirrikonoxxi d-dinjità tagħna. Ġesù ma jistenniex li Żakkew l-ewwel isir bniedem perfett biex imbagħad jidħol f’ħajtu. Għall-kuntrarju, jidħol f’ħajtu biex jibda jittrasformaha.

Alla ma jgħidilniex: “Ibdel ħajtek u mbagħad niġi għandek.” Huwa jiġi għandna, jidħol fl-istorja tagħna, jiltaqa’ magħna fejn aħna, u l-preżenza tiegħu tagħtina l-qawwa biex nibdew nibdlu ħajjitna. Għalhekk dil-Knisja trid tkun dejjem il-post fejn il-bniedem jisma’ li hemm possibbiltà ta’ bidu ġdid. 

Bidla fil-fond

Imma l-laqgħa ma’ Ġesù ma tiqafx f’mument sabiħ jew f’emozzjoni spiritwali. L-Evanġelju jgħidilna li Żakkew laqa’ lil Ġesù bil-ferħ, imma dak il-ferħ wasslu għall-konverżjoni. U l-konverżjoni tiegħu ssir konkreta ħafna. Żakkew jgħid: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd, irroddlu għal erba’ darbiet iżjed” (Lq 19:8).

Hawnhekk nifhmu x’inhi tassew konverżjoni Nisranija. Mhijiex biss li nħossuna qrib Alla; mhijiex biss li noħorġu minn ċelebrazzjoni reliġjuża b’emozzjoni sabiħa. Il-laqgħa vera ma’ Kristu tibdel il-mod kif ngħixu u, għalhekk, tibdel ukoll il-mod kif nittrattaw lill-oħrajn. Żakkew jiltaqa’ ma’ Ġesù, u dik il-laqgħa tasal sa butu, sal-ġid tiegħu, sal-mod kif kien iġib ruħu ma’ nies oħra u sal-inġustizzji li kien wettaq. Il-ħniena li rċieva ssir ġustizzja; il-fidi ssir għemil; l-imħabba ssir azzjoni konkreta.

Dan huwa messaġġ importanti ħafna għalina llum. Għalhekk, f’dan l-anniversarju tad-dedikazzjoni tal-Katidral, irridu nkomplu naħdmu biex ikun tassew il-post fejn in-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù, fejn min hu mgħobbi jsib faraġ, min hu ferut isib il-fejqan, min hu ’l bogħod isib triq lura, min hu mitluf jerġa’ jsib it-tama. 

U aktar minn hekk: dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù f’dan il-post joħorġu minn hawn differenti milli daħlu. Għax il-Katidral għandu jkun post fejn Alla jibdilna biex, min-naħa tagħna, inkunu nistgħu nbiddlu xi ħaġa għall-aħjar fid-dinja ta’ madwarna, bħal Żakkew. F’dan is-sens, il-ġmiel veru tal-Kattidral jitkejjel bil-ħajjiet li l-Mulej jittrasforma fih. L-isbaħ monument li nistgħu noffru lil Alla mhuwiex biss bini sabiħ, imma komunità ta’ nies li ltaqgħu ma’ Ġesù u ħallewh ibiddilhom.

Il-ġrajja ta’ Pawlu

Tajjeb li nħarsu lejn il-figura ta’ San Pawl, li lilu huwa ddedikat dan il-Katidral u li l-preżenza tiegħu hija tant marbuta mal-fidi u mal-istorja ta’ Malta. Pawlu wkoll kellu laqgħa ma’ Kristu li bidlet kompletament id-direzzjoni ta’ ħajtu. Wara l-laqgħa tiegħu mal-Mulej, ma baqax l-istess bniedem. Il-grazzja li rċieva saret missjoni, saret ħeġġa għall-Evanġelju, saret servizz u għotja tiegħu nnifsu għall-oħrajn. 

Illum, għalhekk, hekk kif niċċelebraw l-anniversarju tad-dedikazzjoni ta’ din il-knisja, nitolbu li dan il-Katidral jibqa’ dejjem dar tal-laqgħa ma’ Ġesù li jimlielna ħajjitna, u bħal Żakkew, nuru bil-mod kif ngħixu li dik il-laqgħa tassew bidlitna. Jalla dan ikun dejjem il-veru ġmiel u l-veru missjoni ta’ dan il-Katidral.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta