
Laqgħa għall-koordinaturi involuti fil-ħidma pastorali mat-tfal saret it-Tlieta 22 ta’ Settembru fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Din ġiet organizzata biex l-Arċidjoċesi tkompli ssaħħaħ il-ħidma pastorali u edukattiva tagħha mat-tfal. L-inizjattiva, ikkordinata mill-Vigarjat għall-Koordinament Pastorali, tkompli tibni fuq il-ħidma li l-Knisja ilha twettaq għal bosta snin u twieġeb għall-bżonnijiet tat-tfal fil-komunitajiet u fl-ambjenti edukattivi tagħhom.
L-għan tal-laqgħa kien li tkompli tissaħħaħ l-komunjoni u l-kollaborazzjoni bejn dawk involuti f’dan is-settur, biex b’hekk jikber l-aspett ta’ sinodalità li l-Knisja qed taħdem biex tħaddan dejjem aktar fost il-membri tagħha.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm koordinaturi taċ-ċentri tal-katekeżi u ċ-chaplaincy teams fl-iskejjel.
Matul il-laqgħa, il-parteċipanti kellhom mument ta’ riflessjoni dwar it-tema pastorali ta’ din is-sena, ‘Flimkien’, li tħeġġeġ lill-komunità Nisranija tkompli tikber fil-kollaborazzjoni u fil-mixja flimkien. Saru wkoll interventi mill-koordinaturi tal-entitajiet involuti fil-pastorali tat-tfal, li taw l-opportunità għal qsim ta’ esperjenzi u ħsibijiet dwar ir-realtajiet li qed jiltaqgħu magħhom fil-ħidma tagħhom.
Parti mir-riflessjoni ffukat ukoll fuq il-Pjan Pastorali 2026–2029, li jpoġġi fil-qalba tiegħu l-komunjoni, il-parteċipazzjoni u l-missjoni. Il-parteċipanti ddiskutew kif dawn it-tliet dimensjonijiet jistgħu jkomplu jkunu preżenti fil-ħidma pastorali tagħhom mat-tfal, kemm fil-parroċċi u ċ-ċentri tal-katekeżi kif ukoll fl-iskejjel.
Il-laqgħa serviet ukoll biex tissaħħaħ il-ħidma flimkien bejn dawk li għandhom responsabbiltajiet differenti fil-qasam tat-tfal, u biex tkompli titrawwem kultura ta’ kollaborazzjoni u sinodalità fi ħdan il-Knisja.
Din l-attività tkompli tikkonferma l-impenn li l-Knisja qed tinvesti fil-formazzjoni, l-akkumpanjament u l-kura pastorali tat-tfal permezz tad-dedikazzjoni ta’ dawk kollha li jaħdmu magħhom fil-komunitajiet u fl-iskejjel.






