L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Ewwel Qari jippreparana ftit għas-sorpriża ta’ din il-parabbola ta’ Ġesù: “Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom” (Is 55:8). Donnu l-Mulej qiegħed jgħidilna, nifhem li intom tħobbu tkejlu, b’mod speċjali meta tqabblu lilkom infuskom mal-oħrajn, hija tendenza fina. Imma l-Profeta Isaija, jgħinna nifhmu s-sorpriża tal-istorja tal-Parabbola ta’ Ġesù, billi jinsisti: “daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom” (Is 55:9).

Hemm kriterju ta’ ġustizzja strett ħafna: kulħadd jitħallas tax-xogħol li jagħmel. u f’din l-għalqa, li hija l-għalqa tal-Mulej, aħna nippretendu li min ħadem ħafna jitħallas iżjed min ħadem ftit. Il-Mulej, jew is-Sid ta’ din il-Parabbola, iwiegħed il-ħlas ġust ta’ ġurnata xogħol – denarius – id-dinar kien il-ħlas ta’ tnax-il siegħa xogħol. Innuttaw, li fil-parabbola naslu sal-ħdax-il siegħa, għaliex kienet tibda mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija, dik it-tnax-il siegħa tax-xemx u tax-xogħol. Imma lil min sejjaħlu wara, tah ukoll l-għajxien ta’ ġurnata. Stenna li xi ħadd iqabbdu ġurnata xogħol, u l-Mulej assigurah li meta jmur lura d-dar, fis-sitta ta’ filgħaxija, miegħu jkollu l-paga ta’ ġurnata.

Min ħadem it-tnax-il siegħa ġerġer għax ippretenda iżjed, imma l-ftehim kien li jkollu l-ħlas ta’ ġurnata xogħol. Min ħadem inqas, tgħidli, kellu jieħu inqas; imma s-Sid ried li fuq il-mejda ta’ wliedu jkollu l-opportunità jpoġġi wkoll il-frott ta’ ġurnata xogħol. Bil-kriterji tagħna, mhux fair! Imma l-Mulej jinsisti: “Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien?” (Mt 20:15); ma nistax nassigura li kulħadd ikollu x’jiekol b’mod dinjituż.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi

Hawnhekk forsi nibdew nifhmu ftit iżjed il-Mulej kif jaħdem, anke magħna. Għax aħna, meta niġu fuq ħaddieħor, ikollna riga preċiża, imma fuqna nnfusna, għax inħobbu ħafna lilna nnfusna, nerħulha xi ftit. Il-Mulej qed jgħidilna, imma jekk inti tippretendi li jiena b’xi mod anke jekk ħdimt naqra inqas, nassiguralek l-għajxien tiegħek, ma tistax ikollok l-istess qalb għal sieħbek, għal seħbietek? Il-Mulej qed jilliberana dak li fil-kultura tagħna nsejħulu ‘entitlement’. Fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, m’għandniex nersqu bir-riga; imma b’qalb miftuħa għal dak kollu li jixtieq jagħtina. U nifirħu meta l-Mulej ikun ġeneruż ma’ min forsi minnħabba raġunijiet li aħna ma nafux, u m’aħniex kapaċi niġġudikaw għax ma nafux, jistħoqqlu wkoll il-kura tal-Mulej, il-garanzija tal-għajxien.

Aħna forsi s-saċerdoti, rabbejna l-komunità b’din l-imbierka riga: għamilt id-dnubiet, qlajt il-grazzja. Qisna quddiem Alla għandna xi ktieb tal-accounts bil-profit and loss. Imma l-Mulej, naqra differenti, għax il-ħniena tiegħu dejjem aqwa mill-merti tagħna, u l-glorja tal-qaddisin mhijiex min jieħu ħafna u min jieħu ftit, imma lkoll qegħdin quddiem Alla, jgawduh u jgħidulu: Grazzi tal-ħniena tiegħek.

Meta nersqu lejn il-Mulej, b’mod speċjali nieħdu sehem fis-servizz tal-komunità – illum se nagħtu l-mandatt lil Katekisti tagħna. Nies magħżula biex iwasslu l-fidi u l-esperjenza ta’ Ġesù lil uliedkom, liż-żgħażagħ tagħna. Xi ħlas se jieħdu? F’idejn il-Mulej! U jista’ jkun li kultant tgħid: Ara jien, ma stajtx noqgħod kwieta d-dar milli nara dawn l-erbgħa iħabbtuni biex ngħallimhom xi ħaġa! Apparti li nixtieq ngħidilkom: Grazzi għeżież katekisti, u permezz tagħkom lill-katekisti kollha li fil-parroċċi tagħna se jibdew staġun ieħor ta’ servizz lill-komunità. Nixtieq nagħmlilkom kuraġġ, imma nixtieq ukoll li aħna nilqgħu x-xogħol li l-Mulej sejħilna għalih, min kmieni, min f’nofs ta’ nhar, min fl-aħħar siegħa, nilqgħuh b’umiltà kbira, mingħajr pretenzjonijiet, mingħajr entitlement.

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi

U nitlob ukoll fuq il-ġenerazzjonijiet l-ġodda. Għandna kultura tad-drittijiet, imma qed tonqos il-kultura tad-dover. Dawn irridu jimxu flimkien, l-aħwa! Min irabbi lil uliedu jgħallimhom sew jiddefendu d-dinjità u drittijiet tagħhom; imma jagħmel tajjeb ukoll li jfakkarhom fid-doveri tagħhom. Mhux kollox bid-dritt jew kollox b’xejn; għax missierek u ommok, għal kull cent li tawk ħadmu għalih. Jiena darba qrajt li fil-ħajja ta’ naħla, jirnexxilha tipproduċi kuċċarina għasel. Wara li qrajt din il-ħaġa, kull meta nieħu kuċċarina għasel, sirt napprezza li wara dik il-kuċċarina li qed neħodha mingħajr ħsieb, hemm l-ħajja ta’ naħla, ħajjitha kollha. Kemm hu tajjeb li napprezzaw bi gratitudni, u nifhmu li wara kull ħaġa li ngħixu, wara kull ħaġa li aħna nilqgħu, hemm forsi x-xogħol ta’ xi ħadd li ma jidhirx, li ta ħajtu.

U l-Mulej, dan id-dawl jibda jurina ftit mill-qalb tiegħu.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55, 6-9
Responsorju: Salm 144 (145), 2-3.8-9.17-18
Qari II: Fil 1, 20ċ-24.27a
L-Evanġelju: Mt 20, 1-16a

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi