L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kellu miegħu t-tnax u xi nisa” (Lq 8:1-2). Dan hu l-kwadru li jippreżentalna l-Evanġelju llum ta’ Ġesù, huwa u jdur l-ibliet u l-irħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. U mal-ewwel tolqotna l-enfasi li jagħmel San Luqa li, flimkien mat-tnax, kien hemm fost id-dixxipli wkoll xi nisa – li hawnhekk isemmi l-isem ta’ xi wħud minnhom, bħal Marija ta’ Magdala, Ġwanna u Susanna, u ħafna oħrajn.
X’jgħidilna dan l-Evanġelju dwar Ġesù, u dwar il-ħajja tagħna? Ħa nsemmi tliet punti li joħorġu proprju minn din is-silta qasira, li jiswew ħafna għall-missjoni tal-Knisja u, għalhekk, ta’ kull wieħed u waħda minna.
L-ewwel nett, Ġesù ried li jgħaqqad flimkien nies ta’ trobbija differenti, etajiet differenti, ġejjin minn ħidmiet differenti, biex juri li l-missjoni tiegħu, u l-missjoni tal-Knisja, tiġbor lil kulħadd – ikun min ikun li jkun lest li jimxi warajh. Meta semma n-nisa, San Luqa ried jenfasizza li dawn ma kinux esklużi mill-ħajja ta’ Ġesù u anke mill-ħajja tal-Knisja. Qed ngħid hekk għaliex dak iż-żmien ftit kien jiġihom f’moħħhom li jkun hemm numru ta’ nisa li jkunu daqshekk attivi pubblikament fil-ministeru, bħalma kienu dawn in-nisa ma’ Ġesù. Għalhekk, il-messaġġ hu: il-Knisja hi Knisja miftuħa għal kulħadd, u ma hemmx separazzjoni tan-nies – dawn aqwa u dawn inqas, jew dawn ta’ klassi inqas. Ma hemmx hekk. Hemm nies bi rwoli differenti, b’funzjonijiet differenti, li jiffurmaw din il-familja ta’ Alla. Kemm hu sabiħ meta niftakru dan, u meta niftakru li ħadd mhu eskluż, u kulħadd hu mistieden biex jieħu sehem, jekk irid jimxi wara Ġesù!
Hemm ħaġa oħra sabiħa ħafna f’dan l-Evanġelju, li turina li l-gratitudni tinbidel f’servizz. Il-gratitudni ta’ min? Hawnhekk jissemmew nies li Ġesù kien għamel xi ħaġa ta’ ġid magħhom – bħal Marija ta’ Magdala, li kien fejjaqha mill-ispirti ħżiena, u anke nisa oħra li kien fejjaqhom mill-mard. U dawn għarfu jkunu qalbhom mimlija gratitudni lejn dak li Ġesù għamel magħhom, u dil-gratitudni twassalhom, imbagħad, għas-servizz. Għax, fil-fatt, dawn in-nisa li jsemmi San Luqa “kienu jaqduhom minn ġidhom” (Lq 8:3). Dawn għarfu li jridu jkunu dejjem grati lejn Ġesù, li ttrasforma l-ħajja tagħhom, u espressjoni ta’ din il-gratitudni kienet proprju dan is-servizz, u li jaraw kif jaqdu lill-komunità minn ġidhom. Fil-fatt, kulħadd, skont il-mod li seta’, u r-riżorsi li kellu jew li kellha – kienu jaqdu lill-komunità b’dan il-mod. Kienu essenzjali biex il-komunità li għaqqad Ġesù madwaru tkompli bil-missjoni flimkien ma’ Ġesù. Dan jurina li anke aħna, fil-ħajja tagħna, jekk nagħrfu dak li l-Mulej jagħmel magħna, dan għandu jwassalna tassew biex naqdu b’servizz lil ħutna. Il-gratitudni lejn Alla tinbidel f’servizz għalih, u servizz ma’ dawk madwarna li jeħtieġu l-għajnuna.
Imbagħad hemm punt ieħor li jolqotni ħafna f’dan l-Evanġelju, u mhux hawn biss, imma kulfejn Ġesù ltaqa’ ma’ persuna u ttrasformaha: li l-passat mhuwiex ostaklu biex timxi wara Ġesù, jekk inti lesta jew lest li tinbidel. Hawn kellu miegħu nies, bħal uħud min-nisa li jsemmi, li kellhom passat iebes, diffiċli. Imma flok waqfu fil-passat, u baqgħu jaħsbu fil-passat tagħhom imwaħħlin hemm, ħallew lil Ġesù jibdilhom, jittrasformahom, u jagħmilhom dixxipli tiegħu. Hemmhekk għarfu li l-passat ma għandux ikun ostaklu biex timxi wara Ġesù, jekk inti lest jew lesta li tinbidel u tħalli lilu jittrasformak. Dan mhux hawn biss; kien hemm każijiet oħra. Bħal, per eżempju (ara Lq 7:36-50) dik il-mara, li kienet midinba magħrufa – li kultant jassoċjawha ma’ Marija ta’ Magdala imma llum jifhmu li ma kinetx l-istess persuna – li kienet marret għand Ġesù, meta kien qed jiekol għand Fariżew, biex hemmhekk turih l-indiema tagħha, tibki, ixxarrablu saqajh bid-dmugħ tagħha, tixxuttahomlu, u tidilku biż-żejt. U dik kienet espressjoni tal-imħabba taghha, proprju għax Ġesù ħafrilha dnubietha, ħelisha mill-passat tagħha. Għarfet li mhix se tibqa’ mwaħħla fil-passat, imma timxi wara Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna nagħrfu l-valur tal-missjoni li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna – isejħilna għal xi ħaġa żgur fil-ħajja tal-Knisja. Il-preżenza tagħna, il-ħidma tagħna tagħmel differenza, imma lilna lkoll isejħilna; li aħna nagħrfu nibdlu l-gratitudni tagħna lejn Alla f’servizz lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma fil-bżonn; u li qatt ma nħallu l-passat, feriti tal-passat, jew dak li ġara fil-passat lilna jew dnubiet tagħna tal-passat, jimblukkawna milli nimxu wara Ġesù. Inħalluh jittrasformana u nkunu tassew dixxipli tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




