L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ħafna drabi tisimgħuna nirrepetu kemm Alla hu ħanin u hekk hu. Fis-salm li qrajna llum fakkarna lilna nfusna “ħanin u twajjeb il-Mulej” (S 103:8) u kemm-il darba l-Mulej iħajjarna biex nixbħuh, biex inkunu esperti fl-imħabba bħalma huwa hu u Pietru, li qiegħed fl-iskola ta’ Ġesù qed jinnutah, anki kif jagħmilha ma’ min hu midneb pubbliku, jistaqsih: Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. (Mt 18:21) U Ġesù jinsisti li m’hemmx limitu. “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22).
Pietru beda jifhem li jekk tagħmilha ma’ Ġesù, titgħallem taħfer u tħenn. Qed jgħallmu li ma jkejjilx, ma jiqafx jaħfer u jħenn. Qatt ma jgħid issa għajjejt, issa xbajt, issa daqshekk. Għax il-Mulej li jħenn, jippretendi li aħna nagħmlu bħalu.
Imma fir-rakkont li jagħtina Ġesù biex jispjegalna, hemm żewġ dettalji li nixtieq nieqfu ftit fuqhom. L-ewwel nett is-sinjur tal-parabbola jagħmel il-kontijiet, jitlob li jkun hemm responsabbiltà f’dak li jkun. Isejjaħ lill-qaddej biex jagħmel il-kontijiet, u jirrealizzaw li l-qaddej għandu kont impossibbli tħallsu. Ġesù apposta jagħżel somma enormi, li bil-kalkolu ta’ dak iż-żmien, titkejjel bil-miljuni tal-lum. U jaħfirlu għax jitolbu bil-ħniena. Inxteħet quddiemu dal-qaddej li kellu dejn kbir: “Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok” (Mt 18:26) Anki l-qaddej li magħfus b’dejn kbir jaf li l-ġustizzja titlob li jrid iħallas dejnu. Is-sinjur jmur lil hemm minn dan u jgħidlu li dejnu maħfur.

Sfortunatament, dan il-qaddej li rċieva tant maħfra, ma setax jagħmel l-istess ma’ sieħbu. U Ġesù jinsisti fuqha din. Aħna li l-Mulej jaħfrilna tant, għandu jkollna l-umiltà u l-għerf li naħfru lil xulxin.
Biex nifhmu din il-kelma li hi iebsa għal min hu mweġġa’, iebsa għal min iħoss li d-dinja hi inġusta. Ejjew niftakru x’għamel Ġesù. Kultant meta nipprova nifhem xi kelma iebsa ta’ Ġesù, nistaqsi lil nnifsi, imma dil-kelma li qalilna Ġesù, kif għexha hu?
Ejja nimmaġinawh mislub fuq il-Golgota u waħda mis-seba’ kelmiet li għandna, f’dawk it-tliet sigħat agunija hija din: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:24). Hi talba li Ġesù jagħmel lil Missieru, imsallab umiljat, ikkastigat għalkemm innoċenti, imma lill-Missier jgħidilhom: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” U fil-Missierna, it-talba li għallimna hu, ħafna drabi nitolbuha u forsi ma nirrealizzawx x’aħna ngħidu: ‘Aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”

Imma għaliex Ġesù jinsisti fuq il-maħfra għax il-maħfra tilliberak mill-velenu ta’ min jagħmillek id-deni. Il-maħfra, ma tkeċċix il-ħtija ta’ min għamillek id-deni, u lanqas tikkanċella l-istorja. Il-maħfra mill-qalb tillibera l-qalb tiegħek mill-velenu tal-ikbar għadu ta’ ħajtek għax l-għadu li jċappaslek qalbek bil-mibegħda u r-rabja jkun qatillek il-paċi ta’ qalbek u l-maħfra hija dik l-antidotu li tiddenfendik mill-iżjed effett kattiv u malizzjuż ta’ min irid jagħmillek il-ħsara. Il-maħfra hija triq tal-lilbertà imma din il-maħfra qatt ma tikkanċella l-eżiġenzi tal-ġustizzja fil-verità għax Alla ma’ dak il-qaddej li ma riedx juri ħniena, uża l-ġustizzja. Tinnutaw li fl-istorja li jirrakkontalna Ġesù m’hemmx biss il-maħfra. Hemm il-ġustizzja wkoll. Tgħidlu ħabib: ‘Jien ħfirtlek dejnek, int ma tridx tagħmel l-istess? Mela issa jkollok tħallas sal-inqas sold.’ U l-Mulej, li hu ħanin u li kien ħafirlu dejnu, issa juża l-ġustizzja, għax id-dejn għalkemm maħfur, mhux ikkanċellat, xorta telfa, xorta dejn.
Ħafna drabi kliemna fuq il-ħniena jiġi interpretat bħala dgħufija jew inkella li niddisprezzaw l-eżiġenzi tal-ġustizzja. Il-Mulej ma jirraġunax hekk. Meta aħna lill-Mulej ngħidulu: ‘Aħfrilna dnubietna’, qed nirrikonoxxu li għandna dejn miegħu. Ħadd ma jitlob maħfra jekk hu innoċenti. Ħadd ma jitlob maħfra jekk m’għandux dnub. Aħna l-ewwel nett fil-Missierna nirrikonoxxu ‘aħfrilna dnubietna’. Għandna bżonn il-maħfra għax midinbin. Il-Madonna m’għandhiex bżonn titlob maħfra. Imma aħna iva. Imma waqt li qed nitolbu maħfra tad-dejn li għandna, nimpenjaw ruħna naħfru wkoll lil min hu ħati għalina. Anki min hu ħati għalina, il-maħfra ma tiċħadx l-offiża imma tikkanċellah f’qalbi. Min jaħfer ma jistax jobgħod jew jixtieq id-deni imma għandu d-dritt jitlob il-ġustizzja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 27:30 – 28:7
Responsorju: S 102 (103):1-2,3-4,9-10,11-12
Qari II: Rum 14:7-9
L-Evanġelju: Mt 18:21-35





