Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna nixtiequ ningħaqdu ma’ din il-mara li, waqt li Ġesù kien qed ikellem lin-nies, “għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: ‘Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!’” (Lq 11:27). Hienja l-mamà tiegħek, għaliex il-ġuf u s-sider huma żewġ espressjonijiet li, għal kull bniedem, jindikaw lill-omm.

L-Ewwel Qari li jippreżentalna l-Arka tal-Patt ifakkarna li l-Madonna hija proprju l-Arka tal-Patt, kif aħna ngħidulha fil-Litanija ta’ Loretu: l-Arka tal-Patt il-Ġdid, foederis arca. Hija dik l-għamara sabiħa, bla tebgħa, bla nikta, li fiha l-Mulej għażel li jgħammar, li jitnissel u li jikber għal disa’ xhur, sa jum it-twelid tiegħu.

Sider il-Madonna huwa dak li tema’ lill-Iben ta’ Alla, dak li ħa ħsieb l-għasafar tal-ajru u l-ġilji tal-widien, bħalma qal hu stess; imma kienet din il-mara għażiża għalina u għad-dinja li sqietu, temgħatu u ħadet ħsiebu.

Illum, fil-festa tal-Assunta tagħna, ningħaqdu ma’ din il-mara, u lil Ġesù ngħidulu: “Hienja l-mamà tiegħek!” Għax hu, bil-fatti, ikkonferma din il-beatitudni, din l-hena tal-mamà tiegħu, meta, bil-qawwa tiegħu, is-Salvatur tad-Dinja, l-Omm tiegħu li kienet imħarsa minn kull tebgħa tad-dnub, ħarisha wkoll mit-taħsir tal-qabar. U din hija l-festa li qegħdin niċċelebraw illum.

F’Ġerusalemm hemm dawn iż-żewġ oqbra għeżież: il-qabar ta’ Kristu fis-Santu Sepulkru, imma hemm ukoll, taħt l-Għolja taż-Żebbuġ, il-qabar ta’ Marija. Dawn iż-żewġ oqbra ma kinux għamara ta’ taħsir, imma bieb għan-nuqqas ta’ taħsir, bieb għar-rebħa.

Ġesù qam bil-qawwa tiegħu bħala l-Iben ta’ Alla. L-Omm Qaddisa għaddiet minn din il-ħajja għall-ħajja ta’ dejjem fil-glorja, u din il-festa li qegħdin nagħmlu llum qegħdin niċċelebrawha bil-qawwa ta’ Binha.

Isimha li miet, hemm min jgħid li raqad; imma aħna nafu li anke Ġesù, meta tkellem fuq it-tifla ta’ Ġajru, qalilhom: “Tibkux, għax m’hijiex mejta, imma rieqda” (Lq 8:52); imbagħad qajjimha mill-mewt.

Meta ngħidu li l-Madonna raqdet, hija mod kif ngħidu li mietet, imma fl-istess ħin mietet fil-paċi ma’ Alla, fi ħdan Binha, li ħelisha mit-taħsir. U għalina ssir sinjal ta’ tama.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Fis-Salm sabiħ li tlabna llum, is-Salm 131, hemm dan il-vers sabiħ ħafna: “Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” (Salm 131:14). Il-Knisja għażlet dan is-Salm, miktub forsi f’ċirkustanzi oħrajn, għal din il-festa. Il-Mulej ħares lejn Marija ta’ Nazaret, fl-umiltà tagħha, fis-safa tagħha, fil-ħlewwa tagħha, u qal: “Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” (Salm 131:14). Hekk għamel l-Iben tiegħu għal disa’ xhur sħaħ.

Imma nistħajjel lill-Madonna, meta kienet fil-fjura ta’ ħajjitha, li l-wegħda tal-Iben tagħha li jħejjilna post fil-ġenna sseħħ għaliha wkoll. Kienet tħares f’qalbha lejn il-ġenna, u kienet ukoll tirrepeti dan il-vers sabiħ: “Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” (Salm 131:14). Fiha dik l-hena, dik il-paċi: fil-ġenna rrid noqgħod, għax ħabbejtha!

Din hija l-istedina li nagħmel lili nnifsi, l-aħwa, u lil kull wieħed u waħda minna llum. Ejjew inħobbu u jkollna xewqa sabiħa għall-ġenna. Kemm hija ħaġa sabiħa meta inti qiegħed fuq vjaġġ u, għalkemm togħtor minn hawn u ma tkunx tista’ timxi sew minn hemm, xorta taf li tixtieq tasal. Id-destinazzjoni tiegħek tkun xi ħaġa li tattirak, xi ħaġa li tiġbdek.

Ejjew inħobbu l-ġenna, ikollna x-xewqa tal-ġenna. Dik l-istedina li s-saċerdot jagħmel fil-bidu tal-Prefażju: “Nerfgħu qlubna ’l fuq”; hija wkoll frażi li juża l-Appostlu Missierna San Pawl: sursum corda – qlubna jogħlew ’il fuq, jintrefgħu ’l fuq.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Dan huwa sinifikat profond tal-festa tal-lum: li aħna, u nħarsu lejn Sidtna Marija fil-glorja, Assunta, meħlusa mit-taħsir tal-qabar, glorjuża u sabiħa, nixxenqu għall-ġenna. Xi darba għad immur naraha. Tgħiduli: “Father, m’intix mgħaġġel?” Lanqas jien m’iniex mgħaġġel, imma aħna nafu li din is-siegħa ċċempel: il-qanpiena ċċempel għal kulħadd, min kmieni u min tard.

Ejjew nixxenqu għall-ġenna, għax waqt li nixxenqu għall-ġenna, napprezzaw ukoll din l-art li hija l-għatba tal-ġenna. Jekk tixxennaq għall-ġenna, il-ħajja jkollha togħma differenti. “Hawn irrid insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!” (Salm 131:14). Il-kelma “mistrieħ” tfakkarna proprju fil-ġenna, fil-glorja tal-ġenna. Aħna, meta jmut xi ħadd għażiż, nitolbu għalih: “Agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.”

U qed niftakru f’dan il-vers sabiħ ta’ dan is-Salm: “Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” (Salm 131:14).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta



Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 16, 1-15.60.63
Responsorju: Iż 12, 2-3.4bċd.5-6
L-Evanġelju: Mt 19, 3-12