Photo: Pexels

Bħalissa jinsabu miftuħa l-applikazzjonijiet għall-M.A in Youth Ministry (Master of Arts in Youth Ministry), offrut part-time b’lezzjonijiet filgħaxija. Dan il-kors jindirizza oqsma varji biex jagħti tagħrif u ħiliet għal ħidma maż-żgħażagħ f’diversi kuntesti.

Dan bil-għan li jagħmel il-kandidati eliġibbli bħala youth workers professjonali u biex jinkuraġġihom fil-ministeru u x-xogħol tagħhom maż-żgħażagħ fil-kuntest lokali tal-lum.

Il-kors għandu wkoll l-intenzjoni li jagħti kontribuzzjoni friska u dinamika lill-komunità Kristjana lokali.

Huwa għal dan l-għan li l-kors isib bilanċ bejn teorija u prattika kif ukoll riflessjoni fuq il-kuntest li ngħixu fih, u bejn il-komponent Kristjan u dak tad-dinja professjonali.

Il-kors jibda f’Ottubru ta’ din is-sena, u qed jiġi offrut mid-Dipartiment tat-Teoloġija Pastorali, Liturġija, u Liġi Kanonika fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Djoċesana taż-Żgħażagħ u d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Istudji Komunitarji.

Il-kandidati jġibu warrant u hemm ukoll sponsors mill-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi.

Studenti li jtemmu l-kors b’suċċess jistgħu jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa li jkopri 70% tat-tariffi tal-kors taħt l-iskema Get Qualified.

Il-kors għal min huwa rakommandat?

Il-kors huwa rakommandat għal group leaders, speċjalment youth leaders; youth workers -dawk involuti f’ħidma ministerjali maż-żgħażagħ, chaplaincies jew ħidma pastorali fi skejjel, counsellors, psikoloġisti, u ħaddiema soċjali.

X’se tkun qed tistudja?

Il-kors (MQF Livell 7) għandu 6 semestri b’total ta’ 90 ECTS: sentejn ta’ study-units (l-ewwel u t-tieni sena) u sena ta’ riċerka li titlob teżi (it-tielet sena).

L-ewwel sena tkopri dawn is-suġġetti: Il-ministeru pastorali fost iż-żagħżagħ, perspettivi psikosoċjali fuq tranżizzjonijiet li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ, perspettivi Kristjani fuq il-persuna umana, tagħrif fundamentali fuq teoloġija pastorali u ministeru pastorali, mudelli ta’ ministeru pastorali fost iż-żgħażagħ.

It-tieni sena, apparti li tinkludi placement ta’ 10 ECTS, tkopri dawn is-suġġetti: Iż-żgħażagħ f’kultura diġitali, tendenzi taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol, politika għaż-żgħażagħ, professjonalità f’ministeru pastorali maż-żgħażagħ.

B’dan il-kors, l-istudenti jitgħallmu:

  • Jirrispondu għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ
  • Jifhmu u jaċċettaw il-viżjoni Kristjana tal-persuna umana
  • Jiksbu tagħrif fuq il-perspettivi teoretiċi prinċipali psikoloġiċi u soċjoloġiċi b’rabta maż-żgħażagħ
  • Jeżaminaw il-kunċett ta’ riskju fl-adolexxenza u ż-żgħożija
  • Jirrikonoxxu l-attitudnijiet korretti li jesprimu kura u attenzjoni pastorali
  • Joffru ministeru li jagħti kas
  • Imexxu u janimaw youth leaders
  • Jippreparaw u jwettqu programmi maż-żgħażagħ
  • Jiżviluppaw u japplikaw mudelli ta’ ministeru pastorali maż-żgħażagħ skont ir-rikjesti tal-komunitajiet u kuntesti lokali
  • Jibnu gruppi u jippromwovu komunitajiet
  • Jgħixu l-ministeru tagħhom bħala dixxipli ta’ Kristu

Min jiddeċiedi li ma jkomplix bil-kors ikun eliġibbli għal Ċertifikat Postgradwatorju (fl-aħħar tal-ewwel sena), jew Diploma Postgradwatorja (fl-aħħar tat-tieni sena).

Kif tapplika?

Wieħed jista’ japplika hawn, u jista’ jikkuntattja lil Dr Dorianne Buttigieg, lettriċi fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija, kif ukoll il-Koordinatriċi tal-M.A. in Youth Ministry.

Tista’ tikkuntattja lill-Fakultà tat-Teoloġija fuq l-email [email protected] jew fuq in-numru 23402767.

Il-paġna ta’ Facebook tal-Fakultà tat-Teoloġija tinsab hawn.

L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-22 ta’ Lulju fis-2pm.

Għal iktar informazzjoni fuq il-kors, fosthom fuq min hu eliġibbli, kull study-unit, u spejjeż, wieħed jista’ jidħol hawn.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci