
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Inġbarna llum biex nirringrazzjaw lil Alla tas-sena akkademika li għaddiet, tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Nirringrazzjawh tal-għajnuna li tana f’din is-sena tul il-mixja tagħna, u tal-ħidma li saret ta’ studju, ta’ formazzjoni. Hija sena li fiha ħafna minnkom għamiltu korsijiet differenti, qsamtu esperjenzi, fittixtu li tifhmu aktar il-fidi, il-ħajja tal-Knisja u l-mod kif tistgħu taqdu aħjar lill-poplu ta’ Alla.
Fl-Ewkaristija, aħna qegħdin nirringrazzjawh għal dawk kollha li kellhom sehem f’din il-ħidma – kemm dawk li segwew il-korsijiet offruti mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, kif ukoll dawk li taw il-kontribut tagħhom f’dawn il-korsijiet f’diversi oqsma tul din is-sena.
U propju f’dan il-kuntest, il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna hija kelma qawwija ħafna. Ġesù, fi tmiem id-diskors tiegħu fuq il-muntanja, jgħidilna żewġ affarijiet essenzjali.
L-ewwel nett: “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21) It-tieni, meta jsemmi l-parabbola taż-żewġt idjar (ara Mt 7:24-27) – dar mibnija fuq il-blat, u dar mibnija fuq ir-ramel. Jgħid li meta tinżel ix-xita, jagħmel riħ qawwi, u jkun hemm il-maltemp, id-dar mibnija fuq il-blat tibqa’ hemm, tibqa’ soda, imma d-dar mibnija fuq ir-ramel tiġġarraf, tiġi fix-xejn.
X’inhu l-messaġġ importanti għalina llum f’dil-kelma ta’ Ġesù?
Mill-kliem għall-fatti
L-ewwel nett, meta hu qed jgħid “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’…”, qed jagħti messaġġ lilna, ibda minna s-saċerdoti, għax aħna nitolbu kontinwament u nsejħu lill-Mulej. Għalhekk qed jistedinna biex ngħarblu l-azzjonijiet u l-intenzjonijiet tagħna, biex naraw li dak li qed infittxu hu tassew li nagħmlu dak li jrid il-Mulej f’ħajjitna. Biex ma nkunux qed nagħmlu ħidma fejn insemmuh, imma li ma tkunx ir-rieda tiegħu.
Il-kliem tiegħu hu stedina lilna lkoll. Ħu, per eżempju, il-festi tagħna. Kemm huma sbieħ meta jkunu espressjoni tal-fidi tagħna! Imma jekk inti, f’entużjażmu tal-mument, tfaħħar lill-Mulej, jew lill-qaddis jew qaddisa, imma mbagħad l-għażliet tal-ħajja tiegħek huma kontra dak li jrid il-Mulej u li għex il-qaddis jew għexet il-qaddisa – jista’ jkun għax tkun mezz ta’ firda jew ġlied ma’ oħrajn – hemm xi ħaġa mhix flokha. Dan hu li jsemmi Ġesù.
Il-messaġġ ta’ Ġesù llum narawh f’diversi forom. Ħu l-Papa, kemm hu sabiħ li jkollok l-okkażjoni tiltaqa’ miegħu u jkollok ritratt miegħu! Imma jekk tkun ferħan b’ritratt miegħu, u turih lil ħafna, imbagħad tagħmel eżatt il-kontra ta’ dak li jgħallem kontinwament, hemm xi ħaġa ħażina.
Għalhekk Ġesù qed jgħidilna: il-formazzjoni ma għandhiex tgħinna biss biex nitgħallmu affarijiet ġodda li huma tajbin. Dak hu importanti, iva, imma mhux biżżejjed. Il-formazzjoni Nisranija trid dejjem twassalna biex ma nkunux biss nies li jafu aktar, imma nies li jgħixu aħjar bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Fis-sod
Għalhekk, il-formazzjoni mhijiex biss biex nimlew moħħna b’aktar tagħrif, imma biex nibnu ħajjitna fuq Ġesù. Mhijiex biss biex insiru aktar preparati fil-ħidma pastorali, imma biex insiru aktar sodi fil-fidi, aktar maturi fil-ħajja spiritwali, aktar umli fis-servizz tagħna. Hemm differenza kbira bejn min jaf ħafna affarijiet fuq Ġesù u min qiegħed jibni ħajtu fuq Ġesù. Dar mibnija fuq il-blat ma tinbeniex malajr. Trid tħaffer, trid paċenzja, trid sforz, trid fond. U hekk ukoll il-ħajja tagħna ma’ Ġesù.
Hemm ħaġa tolqotni ħafna f’dak li jgħid Ġesù. Hu ma jgħidilniex li min jibni fuq il-blat mhux se jiltaqa’ mal-maltemp. Le. Il-maltemp jiġi xorta, ix-xita tinżel xorta, ir-riħ jonfoħ xorta. Jiġifieri Ġesù ma jwigħedx ħajja mingħajr diffikultajiet, problemi, diżappunti. Dak li jwiegħed hu li jekk aħna mibnijin fuq Ġesù, ma nċedux meta jiġi l-maltemp. Hu jagħtina l-qawwa fil-maltemp.
Kemm hu importanti dan għal min qiegħed jew se jkun involut fil-ħidma pastorali! Hemm il-maltemp tal-għeja, tad-diżappunt, ta’ ministeru li kultant ma jħallix frott li tara minnufih. Il-maltemp kultant tal-familja, tax-xogħol, tas-saħħa, tal-pressjonijiet tal-ħajja. Hemm ukoll il-maltemp ta’ kultura li ħafna drabi ma tifhimx il-fidi, jew tqis il-Knisja bħala xi ħaġa mhijiex ta’ żmienna.
F’dawn il-mumenti, il-mistoqsija ma tkunx kemm naf, jew kemm għamilt, jew kemm għandi rwol fil-Knisja. Il-mistoqsija tkun: Fuq xiex jien mibni? Meta jiġi l-maltemp, x’se jżommni wieqaf? U hawnhekk nifhmu kemm hi sabiħa u importanti l-missjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali: mhux biss li jipprepara nies għal xi servizz fil-Knisja, imma li jgħinhom jinżlu fil-fond, biex jibnu fuq il-blat.
Dixxipulat
Għalhekk, illum, fi tmiem din is-sena, ikun tajjeb li ngħożżu tassew il-formazzjoni Nisranija li hi formazzjoni fis-sod.
Il-formazzjoni fis-sod ma twassalx biss għal aktar tagħrif, imma għal laqgħa aktar profonda ma’ Ġesù; ma tifformax biss il-moħħ, imma wkoll il-qalb, il-kuxjenza, il-mod kif inġibu ruħna mal-oħrajn; ma tħejjiniex biss biex nagħmlu xi ħidma, imma biex nipperseveraw fil-fedeltà; ma tagħmilniex biss aktar “kompetenti”, imma wkoll aktar umli, aktar spiritwali, aktar disponibbli għas-servizz. Twassalna biex ikunu tassew dixxipli ta’ Ġesù.

Gratitudni
Illum, nirringrazzjaw lill-Mulej għal kull min studja, għal kull min għallem, għal kull min mexxa, għal kull min ta s-sehem tiegħu jew tagħha, b’mod moħbi jew viżibbli, biex din is-sena tkun possibbli.
Nagħmlu wkoll din it-talba: Għinna, Mulej, biex nibnu ħajjitna u ħidmietna fuq il-blat, mhux fuq ir-ramel. Għinna biex nersqu aktar lejk, mhux sempliċement ngħaddu minn esperjenza oħra ta’ tagħlim. Għinna biex insiru aktar dixxipli, mhux biss iktar infurmati. Agħtina l-grazzja li dak kollu li tgħallimna din is-sena ma jibqax biss f’moħħna, imma jinżel fil-qalb, isir talb, isir fedeltà, isir servizz, isir ħajja. U hekk, Mulej, meta jiġi l-maltemp – għax jiġi għal kulħadd – insibu ruħna wieqfa, mhux għax aħna b’saħħitna, imma għax inkunu mibnijin fuq il-blata li huwa int.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




