
F’intervista li saret dalgħodu waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103 l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-Papa Ljun XIV qed jenfasizza ħafna fuq l-inkoraġġiment li għandha tingħata l-familja li qed taffaċċja ħafna aktar sfidi minn qatt qabel. Qal li l-Papa qed jagħraf l-isfidi tat-trobbija u anke tal-edukazzjoni olistika.
Hu tkellem dwar il-laqgħa ta’ MED26 li saret f’Barcellona bis-sehem tal-Papa Ljun XIV. Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti hu, l-Isqof t’Għawdex, kien hemm retturi ta’ santwarji u anke teoloġi u żgħażagħ f’isem Malta. B’kollox kien hemm grupp sabiħ t’10 Maltin inkluż id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt li kien mistieden bħala kelliem.
“Il-mixgħela tas-Sagrada Familia se tibqa’ f’moħħi u f’qalbi … u ż-żjara appostolika ħalliet ħafna ġid, enerġija ġdida lill-Knisja fi Spanja” kompla jgħid l-Isqof Galea Curmi.
Isemmew ukoll id-diskors li ta fil-Parlament Spanjol, il-mistoqsijiet ġenwini ta’ tifel ċkejken, u l-koppja żagħżugħa li l-Papa talab bil-kuruna tar-rużarju tagħhom.
Is-suġġett tal-Knisja, il-Mediterran, id-djalogu u l-ħidma favur il-paċi riċentament ġiet diskussa waqt il-programm ta’ diskussjoni BTW, li jixxandar kull nhar t’Erbgħa fil-5pm fuq RTK103. Segwi kif bdiet din l-initizzjativa, il-ħidma taż-żgħażagħ u ta’ Dun Jean Claude Attard li huwa l-koordinatur f’isem Malta.
Fil-programm tkellem ukoll dwar l‑Aġġornament tal‑Kleru 2026 li sar ftit tal-ġimgħat ilu, opportunità li fiha s-saċerdoti u r-reliġjużi setgħu jirriflettu fuq il‑komunjoni bi preparazzjoni għall‑fażi ta’ implimentazzjoni tal‑Pjan Pastorali li tnieda f’Pentekoste. Dan hu proċess ta’ formazzjoni kontinwa, mhux biss f’dawn it-tlett ijiem imma matul is-sena kollha, u semma li hu mument sabiħ għax jiltaqgħu bejniethom bħala saċerdoti.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Gabriel Lia




