L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22). Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù fl-aħħar ta’ din is-silta, hu u jkellem lid-dixxipli tiegħu. Imma, qabel ma wasal għal dan, qalilhom affarijiet oħra. Ġesù qalilhom l-ewwel nett: “Intom għad tibku u tingħu” (Ġw 16:20). Imbagħad qalilhom: “In-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22).
Hawn Ġesù qiegħed fl-Aħħar Ċena mad-dixxipli, u jolqtok kif Ġesù jitkellem fuq dan kollu meta hu qed jara minn xiex se jgħaddi, u wkoll minn xiex se jgħaddu d-dixxipli tiegħu. Għalhekk jgħidilhom: “Intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ”, għax kien hemm diversi li ferħu bil-passjoni u l-mewt tiegħu, jiġifieri li ħadu pjaċir li Ġesù spiċċa maqtul, filwaqt li d-dixxipli tħarbtu, u għalihom kienet esperjenza ta’ trawma, għaliex dan li kienu qiegħdu t-tama tagħhom fih issa spiċċa maqtul. U nafu x’effett negattiv din kellha fuq id-dixxipli, għax wieħed biss baqa’ taħt is-salib ma’ Ġesù.
Imma Ġesù, anke jekk qiegħed ftit qabel il-passjoni, iħabbar ukoll diġà hawnhekk il-qawmien tiegħu għax jgħidilhom: “In-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena”. U x’ferħ ikbar seta’ kellhom meta lil Ġesù rawh li qam mill-mewt, li rebaħ il-mewt. Imma Ġesù qed jgħidilhom minn qabel dal-kliem, biex huma jiftakru li Ġesù kien spjegalhom kollox; u mbagħad jgħidilhom: “Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”. Din kienet l-esperjenza ta’ dawn id-dixxipli tiegħu, meta wara l-qawmien mill-imwiet, Ġesù tela’ s-sema u bagħtilhom l-Ispirtu s-Santu, u mbagħad huma ħarġu, hemmhekk għelbu l-biża’. Anke jekk għaddew minn persekuzzjonijiet, il-ferħ tagħhom ħadd ma kien se jeħodhulhom.
Dan huwa kliem li jgħodd ħafna għalina. Għax aħna dixxipli ta’ Ġesù, u nafu li Ġesù dejjem ikellimna ċar. Hawnhekk qiegħed jgħidilna li aħna wkoll ngħaddu minn diversi mumenti ta’ tbatija, ta’ problemi fil-ħajja, ta’ niket, ta’ dwejjaq. Ma qalx Ġesù: issa li intom se tkunu dixxipli tiegħi, dan ma jgħoddx aktar għalikom. Aħna lkoll dixxipli tiegħu ngħaddu minn dawn il-mumenti diffiċli. Li qed jgħid Ġesù hu li jekk aħna nqiegħdu quddiemu l-fiduċja tagħna fih, hu jakkumpanjana, hu jittrasforma n-niket tagħna. Jittrasforma ma jfissirx li qisu ma jeżistix, imma jibdlu fil-ferħ, u jagħtina dak il-ferħ f’qalbna li ħadd ma jeħodhulna. Minkejja li kultant ngħaddu minn dawn il-mumenti diffiċli, u anke meta madwarna forsi jkun hemm min ma jifhimniex ukoll għax aħna nemmnu f’Ġesù, għax hu jakkumpanjana, jgħinna biex negħlbu l-mumenti diffiċli. Hu jittrasformahomlna f’esperjenza tassew sabiħa miegħu, ta’ ferħ.
Jien nixtieq li nieqfu fuq dal-kliem tiegħu: “il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”. Dan għaliex meta aħna magħqudin miegħu, u l-Ewkaristija hi ċ-ċelebrazzjoni li tgħaqqadna ħaġa waħda miegħu, hemmhekk f’qalbna jagħtina ferħ li ma jiddependix fuq iċ-ċirkustanzi, fuq in-nies li magħhom inkunu. Dawk, veru, jistgħu jagħmlulna ħajjitna diffiċli kultant, jistgħu joħolqulna l-problemi kultant. Jistgħu, ukoll, iċ-ċirkustanzi jkunu diffiċli ħafna. Imma hu jagħtina ferħ li jibqa’ fil-qalb tagħna. Dan hu l-ferħ għax nafu li aħna maħbuba minn Alla, li hu jakkumpanjana anke fl-iktar żminijiet ta’ dlam fil-ħajja tagħna. U jgħinna, imbagħad, biex aħna nkunu strumenti ta’ dan il-ferħ mal-oħrajn. Ġesù dejjem għamel distinzjoni bejn il-ferħ veru tal-qalb, u l-pjaċir. Hemm ħafna affarijiet li jagħtuna pjaċir fil-ħajja u, sakemm ikunu xierqa, ħaġa tajba. Il-ferħ tiegħu mhuwiex il-pjaċir, imma xi ħaġa iktar fil-fond fil-qalb u li tibqa’ magħna, anke meta ċerti affarijiet ma jagħuna xejn pjaċir jew ikunu qed joħolqulna problemi.
Dan hu li nixtieq nitlob għalina lkoll: biex aħna jkollna dan il-ferħ f’qalbna li jagħtina Ġesù. Anke fil-mumenti diffiċli, dan il-ferħ jibqa’ fil-qalb tagħna u jgħinna biex, f’għaqda miegħu dejjem ngħixu tassew dan il-ferħ tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




