
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bil-qalb kollha”. Din il-parroċċa tal-Furjana bir-raġun tifraħ u tiċċelebra bil-qalb kollha lil San Publju, raġel li jinsab fil-bidu nett tal-istorja Nisranija tal-gżejjer tagħna u li għandu proprju din l-espressjoni marbuta miegħu fl-Iskrittura: “bil-qalb kollha”.
L-Atti tal-Appostli, fil-fatt, jirrakkontaw kif, wara n-nawfraġju tal-Appostlu San Pawl fuq xtutna, Publju, “il-prinċep tal-gżira”, laqgħu b’ġenerożità rari: “Dan laqagħna, u bil-qalb kollha żammna għandu” (Atti 28:7).
Il-bidu
Din hija l-ewwel lezzjoni li jagħtina Publju, u li jagħti lill-Knisja kollha proprju fil-bidu tal-ħajja Nisranija f’Malta: il-laqgħa tibda mill-ospitalità.
Publju ma kienx għadu Nisrani. Kien uffiċjal Ruman, bniedem ta’ poter u prestiġju. U madankollu, kellu qalb miftuħa. Laqa’ barranin li kienu għajjiena, mitlufa, u bla saħħa. Mingħajr ma kien jaf, kien qed jilqa’ lil Ġesù nnifsu. Kien diġà qed jgħix dak li Ġesù qal fl-Evanġelju skont San Mattew: “Kont barrani u lqajtuni”, bil-mistoqsija: “Meta rajniek barrani u lqajniek?” (Mt 25:38).
Ma kienx jaf li qed jilqa’ lil Kristu meta laqa’ lil Pawlu u lil sħabu. Imma dik il-laqgħa bidlitlu ħajtu għal kollox.
Meta l-poter jiltaqa’ mal-grazzja
L-Evanġelju qatt ma jħalli kollox kif kien qabel. Meta jidħol fil-qalb, ibiddel.
Publju ma baqax biss bniedem ta’ ospitalità. Sar dixxiplu. L-Atti tal-Appostli jurunu kif Pawlu fejjaq lil missieru, u t-tradizzjoni tgħidilna li hu kkonverta permezz ta’ Pawlu. Hawnhekk naraw misteru sabiħ: bniedem ta’ poter iltaqa’ mal-grazzja, u sar qaddej ta’ Kristu.
F’dinja li ħafna drabi tkejjel is-suċċess bil-poter, bil-flus, jew bil-kontroll, Publju jurina triq oħra: il-kobor veru jinsab fil-ħila li tħalli lil Alla jaħdem fik. Kemm hi diffiċli għalina, xi drabi, li nħallu kollox f’idejn Alla! Kemm nippreferu nżommu kollox taħt kontroll! Imma Publju jurina li meta nħallu l-grazzja tidħol, Alla jista’ jagħmel affarijiet kbar minna.
Knisja mwielda minn nawfraġju
Il-ġrajja ta’ Publju u tan-nies li kienu jgħixu f’Malta dak iż-żmien turina li l-fidi Nisranija f’Malta ma bdietx bi pjan maħsub minn xi bniedem jew bi pjan ta’ xi organizzazzjoni. Lanqas Pawlu nnifsu ma kellu dan il-pjan li jasal hawn. Il-fidi f’Malta kienet fil-ħsieb li kellu Alla għalina. Il-fidi f’Malta bdiet b’nawfraġju, il-Knisja twieldet minn nawfraġju, imbagħad minn att ta’ tjubija, fejqan u l-Aħbar it-Tajba. Hawn qiegħed l-għerq tagħna.
U dan ifakkarna li l-fidi Nisranija mhijiex sempliċement tradizzjoni li ntirtet, drawwa sabiħa, imma relazzjoni ħajja ma’ Ġesù Kristu. Hija din ir-relazzjoni li tbiddel il-ħajja.
Il-vokazzjoni għall-ospitalità
X’messaġġ jagħtina Publju llum għall-ħajja tagħna? L-ewwel messaġġ ta’ Publju hu ċertament dak ta’ ospitalità. Din hija sejħa li tibqa’ valida għalina llum. F’soċjetà li ħafna drabi tibni ħitan bejn il-popli, bejn il-kulturi, bejn ir-razez, bejn il-persuni, l-Evanġelju jsejħilna nibnu pontijiet. Kif tgħid it-tema għall-festa ta’ din is-sena: “Naħdmu għal Komunjoni li tagħti l-ħajja taħt kappa li tgħaqqad”.
Kemm għandna bżonn nerġgħu nitgħallmu li jkollna qalb miftuħa għal kulħadd, u speċjalment għall-vulnerabbli, għall-batut, għall-barrani, għal min ma jaqbilx magħna, għal min iħossu waħdu! Xi kultant, bħal Pawlu fuq ix-xatt wara n-nawfraġju, Ġesù Kristu jidħol f’ħajjitna moħbi fil-wiċċ ta’ ħaddieħor.
Irrid insemmi hawnhekk bi gratitudni lil Graziella Castillo li sa ftit ilu kienet attiva ħafna f’din il-parroċċa – kienet Segretarja tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali – u li proprju ftit ġranet ilu għaddiet ħesrem għall-ħajja ta’ dejjem. Ix-xhieda Nisranija tagħha f’din il-parroċċa u f’Malta hi eżempju ta’ kif tgħix l-imħabba lejn il-vulnerabbli, lejn dawk fil-bżonn. Hu ta’ ġieh li għandkom persuna li diversi minnkom jafu, u li tistgħu tħarsu lejha bħala eżempju tal-ispirtu ta’ Publju jħeġġeġ fiha daqshekk b’mod qawwi.
Xhieda fi żmienna
X’jurina aktar Publju għall-ħajja tagħna? Publju ma sseparax il-ħajja pubblika mill-valuri tiegħu. Intom f’din il-parroċċa żgur kburin li ssejħu lil Publju l-patrun tagħkom. Imma rridu dejjem niftakru li l-veru ġieħ lejh mhux biss fil-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ. L-importanti hu li nagħmlu ħilitna biex ngħixu bħalu. Illum aħna msejħin biex ngħixu fidi awtentika, biex nagħtu xhieda f’dinja li qed tinbidel, biex ma nibżgħux nuru min aħna bħala Nsara.
Publju għex il-valuri fil-ħajja pubblika. F’dan jagħti messaġġ importanti l-ewwel nett lil dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija pubblika u li jkollhom tentazzjoni qawwija: li flok imexxu lill-poplu fil-valuri sbieħ tal-ħajja, jitmexxew minn populiżmu biex jingħoġbu. L-appell ta’ Publju hu biex ma jqegħdux fil-ġenb jew jissospendu l-valuri l-iktar importanti fil-ħajja biex jingħoġbu, imma jibqgħu lejali.
Imma rrid ngħid li din tgħodd mhux biss għal min għandu r-responsabbiltà tat-tmexxija. Tgħodd għal kulħadd. Il-valuri li tesprimi l-fidi tagħna jridu jidhru fid-deċiżjonijiet tagħna, fil-mod kif nittrattaw lil xulxin, fil-ġustizzja u fil-verità li ngħixu.
Minn nawfraġju għal missjoni
Publju jagħtina messaġġ ieħor importanti. L-istorja ta’ fejn hu jidher fl-Atti tal-Appostli bdiet b’nawfraġju imma ma spiċċatx f’diżastru. In-nawfraġju wassal għal missjoni. Dan huwa l-paradoss tal-fidi Nisranija: Alla kapaċi joħloq ġid anke mill-aktar mumenti diffiċli.
Forsi anke aħna qed ngħixu dawk li jidhru bħala “nawfraġji” f’ħajjitna: tbatijiet personali, fallimenti, dubji, jew biżgħat. Imma Publju jfakkarna li dawn jistgħu jsiru mumenti ta’ grazzja – jekk inħallu lil Kristu jidħol fihom.
Sejħa għall-Knisja f’Malta llum
Illum l-istedina ta’ Publju lilna lkoll hi biex inkunu Knisja li tilqa’, li tfejjaq, li tħabbar l-Evanġelju b’kuraġġ. Nimxu fuq l-eżempju li qed jagħti l-Papa Ljun XIV, li sab min jopponih u jinsultah għax ma beżax iwassal il-kelma ta’ Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). Publju jsejħilna biex inkunu Knisja li ma tibżax toħroġ, li tiltaqa’, li tisma’, u li tħobb, li ġġib il-komunjoni li tagħti l-ħajja.
F’din il-festa solenni, ejjew nitolbu: li jkollna qalb miftuħa bħall-Publju, li nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna, u li nħallu l-grazzja tiegħu tbiddilna. Bħalu, ejjew nimxu: mill-ospitalità… għal-laqgħa ma’ Ġesù…għall-missjoni. U hekk, il-fjamma tal-fidi li bdiet fuq xtutna permezz tal-Appostlu San Pawl, u ġiet milqugħa minn San Publju, tkompli tixgħel f’qalbna u f’pajjiżna. Nitolbuh bil-ħeġġa bl-innu sabiħ lil San Publju Martri: “Publju, imqaddes u ħanin, Ħares dejjem lill-Maltin”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




