
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Illejla qed nidħlu f’mument mill-aktar speċjali fil-ħajja ta’ Ġesù. Ħamis ix-Xirka ddaħħalna fil-Kamra ta’ Fuq, fejn Ġesù hu miġbur għall-ikla flimkien mat-tnax, u fejn kollox għandu tifsira profonda. Hija l-lejla tal-imħabba li ssir azzjoni umli, li tagħti lilha nnifisha.
Jinżel għarkupptejh
Fir-rakkont skont San Ġwann, tiġri xi ħaġa mhux mistennija. Minflok ma jibda bit-tqassim tal-ħobż waqt l-Ikla mat-tnax, naraw lil Ġesù jinżel għarkupptejh quddiem id-dixxipli u jaħsilhom saqajhom. Dan ma kienx biss ġest mhux tas-soltu. Kien skandlu. Fil-kultura ta’ dak iż-żmien, il-ħasil tas-saqajn kien xogħol tal-ilsir. U madankollu, hawn għandna lil Ġesù, l-Imgħallem u l-Mulej, jinżel quddiem id-dixxipli tiegħu stess.
U nnutaw: jaħsel saqajn Pietru, li kien se jiċħdu. Jinżel quddiem Ġuda u jaħsillu saqajh – Ġuda li kien se jittradih. U d-dixxipli l-oħra wkoll li kollha, ħlief wieħed, kienu se jabbandunawh, kienu b’saqajhom se jlebbtu lilhinn, ’il bogħod mit-tbatija tiegħu. Ħasel saqajhom ukoll Ġesù li, l-Evanġelju jgħidilna, “kien jaf x’hemm fil-bniedem” (Ġw 2:25). Dan hu l-iskandlu tal-imħabba divina: Alla ma jħobbniex għax aħna denji, għax jistħoqqilna. Alla jħobbna minkejja d-dgħufija tagħna.
Pietru jirreżisti: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja” (Ġw 13:8). Imma Ġesù wrieh li kien importanti li jaċċetta din l-imħabba. Hi din l-imħabba tiegħu li tippurifika, hi din l-imħabba li tnaddaf.
Hekk agħmlu intom ukoll
Imma Ġesù ma waqafx hemm. Kien diġà xokk għalihom li jinżel jaħsel saqajhom. Imma mbagħad qagħad bil-qiegħda u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:12-15).
Dan, għad-dixxipli, kien xokk akbar. Imma hu l-messaġġ li kontinwament Ġesù ta f’ħajtu, u li kien se jagħti b’mod speċjali b’mewtu fuq is-salib, lid-dixxipli: li jsibu l-milja fil-ħajja mhux meta jiddominaw, mhux meta jqiegħdu lill-oħrajn taħthom, imma meta jaqduhom b’imħabba. B’imħabba mingħajr kundizzjoni, imħabba li tfisser ukoll maħfra. Hemm ikunu tassew dixxipli ta’ Ġesù.
Dan hu l-messaġġ importanti għalina. Dan hu li jrid minna wkoll. Hu messaġġ tant f’waqtu, f’dinja fejn ħafna drabi nieħdu l-messaġġ l-oppost: li min għandu l-poter u s-saħħa hu l-aqwa, li min jiddomina lil ħaddieħor hu l-aħjar, li min iniżżel lil ħaddieħor għarkupptejh quddiemu hu rebbieħ. Dan hu l-messaġġ li kultant nisimgħu fis-soċjetà tagħna, u hu eżatt il-kontra ta’ dak li hu jrid mid-dixxipli tiegħu.
Biex nagħmlu dan li jitlob minna Ġesù, irridu nħalluh ukoll jippurifikana, kif għamel lid-dixxipli meta ħaslilhom saqajhom. Hu b’dal-mod li Ġesù jimliena bl-imħabba tiegħu u jgħinna biex inkunu nixbhuh.
Illejla, Ġesù ma jagħtiniex biss eżempju, bħalma qal: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Imma wkoll kmandament: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Imma ninnutaw: Ġesù ma jgħidx, “Ħobbu kif taħsbu intom”. Jgħid: “Bħalma ħabbejtkom jien.” U kif ħabbna? Billi ħabb għall-aħħar. Kif rajna fl-Evanġelju llum, hi l-imħabba konkreta. Għandha idejn. Għandha irkopptejn. Tmiss it-trab tal-ħajja umana.
Għalina tfisser: taħfer meta hu diffiċli; taqdi bla ma tfittex rikonoxximent; tibqa’ b’fedeltà meta l-oħrajn jitilqu; tħobb anke meta jweġġa’.
Agħmlu dan b’tifkira tiegħi
Smajna lil San Pawl, fit-tieni qari, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin jirrakkonta t-twaqqif tal-Ewkaristija. Nafu li filwaqt li San Ġwann l-Evanġelista jiffoka fuq il-ħasil tas-saqajn, l-Evanġelji l-oħra jwassluna lejn don kbir ta’ din il-lejla: it-twaqqif tal-Ewkaristija – meta Ġesù jieħu l-ħobż, ibierku, jiksru u jagħtih: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom” (Lq 22:19); u mbagħad jieħu l-kalċi, u jgħid: “Dan…id-demm li jixxerred għalikom” (Lq 22:20).
Dan mhux biss simbolu. L-Ewkaristija mhix biss tifkira, qisu biha nfakkru dak li sar tant snin ilu. Din hi realtà ħajja. Ġesù jagħti lilu nnifsu – Ġismu u Demmu – bħala ikel għall-mixja tagħna. L-istess idejn li jaħslu r-riġlejn huma l-idejn li jaqsmu l-ħobż. L-istess imħabba li tinżel biex taqdi hija l-imħabba li toffri lilha nnifisha fuq l-artal.
L-Ewkaristija mhix separata mill-ħasil tar-riġlejn. Hija l-għajn u l-quċċata tiegħu. Jekk nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu, irridu nsiru nixbhuh u jkollna l-istess spirtu ta’ umiltà u qadi bħalu.
L-Ewkaristija titlob ħajja li tixbahha
Ma nistgħux nifirdu dak li niċċelebraw illejla minn kif ngħixu għada u kull jum tal-ħajja tagħna. Jekk nirċievu l-Ewkaristija, imma nirrifjutaw li naqdu lill-oħrajn; jekk naduraw lil Kristu fit-tabernaklu, imma ninjorawh fil-fqir u lil min hu fil-bżonn; jekk ninżlu għarkupptejna quddiem l-artal, imma mhux quddiem xulxin biex naqdu – allura ma nkunux fhimna dak li qed niċċelebraw il-lejla.
Il-frott tal-Ewkaristija hu l-imħabba, u l-frott tal-imħabba hu s-servizz. L-Ewkaristija lilna tbiddilna – imma biss jekk inħalluha tbiddilna.
Apprezzament lis-saċerdoti
Illum niċċelebraw it-twaqqif tas-saċerdozju ministerjali. Ġesù waqqaf is-saċerdozju proprju fl-Aħħar Ikla. Dalgħodu konna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn għamilna t-tiġdid tal-wegħdiet li għamilna dak inhar tal-Ordinazzjoni saċerdotali tagħna.
Nitolbu biex aħna s-saċerdoti nkunu bħal Kristu – li ma nfittxux li ninqdew imma li naqdu b’imħabba kbira. Aħna nafu, mill-esperjenza tagħna, kemm fil-fatt hemm saċerdoti li jgħixu hekk. Hawn ħafna li jagħmlu l-ġid. Nitolbu ħafna u nuru apprezzament lis-saċerdoti tagħna. Nafu li ma tantx tisma’ fil-media b’saċerdoti li jagħmlu l-ġid. Jekk ikun hemm xi ħadd li jagħmel żball, tisma’ sew bih u bl-Isqof tiegħu. L-iżbalji huma ħżiena u wieħed irid ikun ċar fuqhom, imma daqstant ieħor għandna nisimgħu b’tant ġid li jsir mis-saċerdoti.
Nitolbu wkoll li jkun hemm ħafna oħrajn li jwieġbu għas-sejħa tal-Mulej biex jaqduh fil-ħajja saċerdotali. Hawn bżonn kbir, inkluż f’pajjiżna. Nitolbu biex ikun hemm tweġiba ġeneruża għas-sejħa tal-Mulej.
Nidħlu fil-lejl tal-imħabba
Illejla, wara din iċ-ċelebrazzjoni, nibdew il-mixja lejn il-Passjoni ta’ Ġesù. Imma ejjew ma ninsewx dak li rajna u li se jkun imfakkar b’ġest simboliku ftit ieħor bil-ħasil tas-saqajn ta’ numru ta’ familji mill-parroċċa tagħna. Ifakkarna f’Alla li jinżel għarkupptejh; Alla li jitmagħna; Alla li jħobb sal-aħħar. Nitolbu l-grazzja li nħallu lil Kristu jippurfikana, li nirċevuh bil-qalb fl-Ewkaristija; li nsiru, f’ħajjitna, rifless tal-imħabba tiegħu
Meta noħorġu minn hawn illejla, inġorru magħna x-xbieha li tgħid kollox: Ġesù, għarkupptejh, bil-fardal, bl-ilma, jaħsel is-saqajn. Dak hu Alla. Hekk tidher l-imħabba. U hekk aħna msejħin insiru.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




