Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) iltaqgħet mal-Arċisqof Charles Scicluna għal assemblea fil-Palazz tal-Arċisqof fl-Imdina. Huma ddiskutew il-ħarsien tal-annimali f’Malta u r-responsabbiltà tal-bniedem lejn in-natura.

Matul il-laqgħa, it-tfal kellhom l-opportunità jaqsmu ħsibijiethom dwar suġġett li għażlu huma stess. Huma ddiskutew il-ħarsien tal-annimali f’żoni limitati f’Malta u rriflettew ukoll dwar sitwazzjonijiet konkreti, fosthom il-każ tat-tanker Russu li kien qed joqrob lejn Malta u l-possibbiltà ta’ tnixxija ta’ fuels li setgħet twassal għal diżastru ambjentali.

L-Arċisqof ħeġġeġ lit-tfal biex jaħsbu dwar kif nistgħu nassiguraw il-ħarsien tal-annimali filwaqt li nibqgħu nuruhom l-imħabba. Hu fakkar li l-annimali huma parti mill-ħolqien ta’ Alla u li għandhom jitħarsu b’mod li jirrispetta n-natura u l-bżonnijiet tagħhom. Semma wkoll it-tnaqqis fin-numru ta’ ċerti speċi f’Malta u l-isforzi li qed isiru biex jiġu protetti, fosthom il-proġett tat-tkabbir tar-rizzi f’San Luċjan sabiex jerġgħu jitpoġġew fil-baħar.

It-tfal ipproponew diversi ideat konkreti għall-ħarsien tal-annimali, fosthom żjarat fis-santwarji biex jieħdu ħsiebhom u inizjattivi flimkien mal-kunsilli lokali.

Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) hija kummissjoni tal-Knisja f’Malta magħmula minn żewġ gruppi: il-KDT għal tfal bejn is-7 u t-13-il sena, u l-KDT+ għal adolexxenti minn 14-il sena ’l fuq. Din l-inizjattiva toffri formazzjoni spiritwali u tagħti opportunità lil numru ta’ tfal u ż-żgħażagħ minn diversi parroċċi biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja tal-Knisja u jaqsmu l-perspettivi tagħhom mal-Arċisqof permezz ta’ diversi attivitajiet matul is-sena.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Aktar ritratti