L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jipprova jispjega lin-nies ta’ żmienu, anzi lid-dixxipli tiegħu stess, li l-kundizzjoni ta’ dan ir-raġel imwieled agħma, mhix kwistjoni ta’ dnub: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih” (Ġw 9:3). Qed jispjegalna li dak li neħilsu minnu fil-magħmudija, mhux għax aħna nitwieldu, għax għamilna d-dnub, u hemm konsegwenza kerha; imma nitwieldu fi stat ta’ agħma, li hu għandu l-qawwa jeħlisna minnu, mhux bilfors tort tagħna.

Inti meta jkollok tarbija tat-twelid f’idejk, min se jipperswadik li din tort tagħha, li twieldet fl-agħma tal-umanità? U lanqas tort tal-ġenituri tagħha. Twieldet fil-familja tagħna, li minħabba d-dnubiet ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ, ibda mill-ewwel ġenituri tal-bnedmin, għandha bżonn xi ħadd li jkun ħellies, salvatur, feddej – xi ħadd li b’risposta għad-dlam tal-qalb tagħna jagħtina d-dawl.

U Ġesù juża dan il-miraklu biex lilna jmexxina lil hemm mill-fejqan fiżiku ta’ dan ir-raġel li twieled agħma u beda jara; u jipperswadina li hu d-dawl tad-dinja u jrid ukoll ikun id-dawl ta’ ħajjitna. Huwa r-raġel li twieled agħma u beda jara li jsir l-aqwa ambaxxatur tal-qawwa ta’ Ġesù. “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” (Ġw 9:27) “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel” (Ġw 9:30-33).

Mela dan ir-raġel qed jgħidilhom lill-Fariżej, li suppost jifhmu, ‘isma’ dan ġej minn Alla!’ Dan għandu l-kapaċità, lili li twelidt agħma, jagħtini d-dawl. U qed jgħidilhom: imma tridu intom issiru dixxipli tiegħu? Din il-mistoqsija, dan ir-raġel jagħmilha lilna wkoll: lili u lilek. Aħna rridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù? Aħna nilqgħu l-qawwa tiegħu, li joħroġna mill-agħma tad-dnub, tal-ħażen, tal-mibgħeda, tal-għira, tal-firda; u jsir għalina d-dawl ta’ ħajjitna? Jalla r-risposta tagħna tkun ir-risposta ta’ dan ir-raġel.

Ġesù jistaqsih: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?” (Ġw 9:35) Din hija d-domanda wkoll li f’dawn il-ġranet il-Knisja tpoġġi quddiem dawn d-39 adult li qed jitolbu l-magħmudija. Imma intom temmnu f’Ġesù? Dak wieġeb u qallu: “‘Min hu, Mulej, biex nemmen fih?’ Qallu Ġesù: ‘Mhux biss rajtu imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek’” (Ġw 9:36-37). Qed jgħidlu: inti qed tarani għax fejjaqtek mill-agħma tiegħek imma issa qiegħed inkellmek. Ir-risposta ta’ dan l-imwieled agħma tkun ir-risposta tagħna: “Nemmen, Mulej!” (Ġw 9:38).

L-Appostlu Missierna San Pawl jgħidilna fit-tieni qari li smajna mill-Ittra lill-Efesin, xi tkun li temmen. “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott” (Ef 5:8-11). Din hija l-kelma tal-Appostlu Missierna, li tispjegalna x’jiġifieri nilqgħu lil Ġesù bħala d-dawl ta’ ħajjitna. “Frott id-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità” (Ef 5:9). “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu” (Ef 5:14).  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 16:1b, 6-7, 10-13a
Responsorju: 22 (23):1-3a, 3b-4, 5, 6
Qari II: Ef 5:8-14
L-Evanġelju: Ġw 9:1-41

Aktar ritratti