L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel” (Lq 4:29). Hawnhekk, f’dan l-Evanġelju, naraw din ir-reazzjoni vjolenti ta’ dawn in-nies li kienu qegħdin jisimgħu lil Ġesù fis-sinagoga. Li ġara kien li kif semmielhom xi ħaġa li fil-fatt hi mill-Iskrittura stess u li kienu jafuha, dawn ħaduha bi kbira u, l-Evanġelju jgħid, “kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28). U mhux biss irrabjaw, imma qamu, ħarġuh barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u ried jixħtuh minn hemm fuq għal isfel.
Dan huwa l-ewwel attentat kontra Ġesù, biex jeliminawh, proprju meta Ġesù mar Nażaret. U li jolqtok ħafna f’dan l-Evanġelju hu l-bidla li seħħet f’dawn in-nies – għax, ftit qabel, hemmhekk fis-sinagoga stess, San Luqa jgħid li meta semgħuh jitkellem “ilkoll laqgħu kliemu, u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Mela dak meta tkellem l-ewwel darba; meta, imbagħad qalilhom dal-kliem li smajna fl-Evanġelju llum, għamlu dik ir-reazzjoni vjolenti u riedu jeliminawh.
X’ġara? Għaliex meta Ġesù semmielhom hawnhekk żewġ episodji mill-Iskrittura, mhuwiex qiegħed b’xi mod lilhom jinsultahom, iweġġagħhom. Ma qalilhomx kliem li minħabba fih kellhom jirrabbjaw. X’ġara? Għax Ġesù, f’din is-silta, jgħidilhom kif “ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu” (Lq 4:24). U jgħid kif fi żmien il-profeta Elija u l-profeta Eliżew, kien hemm dawn iż-żewġ ċirkustanzi li jsemmi hu, meta Alla għamel l-għeġubijiet u fejjaq mhux lil xi ħadd mill-poplu ta’ Israel, imma xi ħadd ’il barra mill-poplu ta’ Israel, li kien juri li Alla mhux Alla li torbtu ma’ poplu, ma’ razza, ma’ grupp ta’ nies, ma’ pajjiż; imma Alla hu Alla ta’ kulħadd, u jrid iwassal l-imħabba tiegħu u l-fejqan lil kulħadd. Hu dal-kliem li lilhom tahom daqshekk ġewwa, u għamlu dir-reazzjoni li, fil-fatt, kienet tagħti prova ta’ dak li qal Ġesù li “ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu”. Għax hawn kien f’pajjiżu, Nażaret, u spiċċaw biex riedu jwarrbuh min-nofs, jeliminawh.
X’messaġġ jagħtina dan l-Evanġelju għal ħajjitna llum? L-ewwel nett jurina kemm hu importanti li aħna nilqgħu l-Kelma ta’ Alla kif inhi, anke meta tkun kelma li lilna tagħmlilna sfida, li tistedinna għal xi ħaġa iebsa, jew anke tbiddel il-mod kif soltu nirraġunaw aħna. Nilqgħu l-Kelma ta’ Alla kif inhi. Il-Kelma ta’ Alla ma għandniex nisimgħuha u minnha nagħżlu – “din togħġobni, u din ma’ togħġobnix”, din nagħmilha imma din nirrifjutaha – ma għandix nagħmel hekk. Kultant jista’ jiġri hekk: li meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, ikun hemm dak li jdoqq għal widnejna, imbagħad affarijiet oħra li nwarrbuhom. Il-Kelma ta’ Alla għandna nilqgħuha kif inhi, u nħalluha tidħol fil-qalb tagħna u tbiddel għall-aħjar il-ħajja tagħna.
Imbagħad, hemm xi ħaġa oħra importanti li dan l-Evanġelju jurina. Ġesù, kemm meta laqgħuh u kemm meta ma laqgħuhx, baqa’ jaqdi l-missjoni tiegħu. Hawn, fl-aħħar tal-Evanġelju, hawn żewġ kelmiet: “baqa’ sejjer” (Lq 4:30). Mhux biss baqa’ sejjer jiġifieri ma setgħux jitfgħuh minn fuq għal isfel, imma baqa’ sejjer bil-ħidma tiegħu, bil-missjoni tiegħu. Għax Ġesù, li kien jagħmel ma’ kienx jagħmlu għal wiċċ in-nies, jew biex huma jieħdu post b’li qed jisimgħu u jkun popolari, u jieqaf hemm. Seta’, ma’ dawn in-nies, meta l-ewwel “laqgħu l-kelma tiegħu u stagħġbu bil-kliem mimli ħlewwa”, seta’ kompla sejjer u jgħid: ara, hawnhekk qed inkun popolari. Ġesù ma kienx jagħmel għall-popolarità, imma biex dak li jgħid ikun b’fedeltà mal-verità, u b’fedeltà mal-missjoni li kellu. Għalhekk Ġesù “baqa’ sejjer”. Dan l-episodju, li nsibuh pjuttost fil-bidu, fir-raba’ kapitlu tal-Evanġelju skont San Luqa, ma kellux influwenza fuqu li jgħid: aħjar noqgħod attent ma’ dawn in-nies, aħjar noqgħod attent fi kliemi, x’ngħid u x’ma ngħidx! Le, baqa’ jgħid il-verità anke meta kellu reazzjoni iebsa min-nies. Il-verità bl-imħabba, dejjem, imma jwassalha.
Dan hu messaġġ importanti għalina, anke għall-Knisja. Kultant jiġri li l-Knisja twassal il-Kelma ta’ Alla, u dak li jgħidilna, u dan ma jdoqqx tajjeb f’widnejn xi wħud min-nies. Per eżempju, meta l-Knisja tgħidilna kemm hu importanti li aħna nirrispettaw u ngħożżu l-ħajja ta’ kull persuna, ta’ kull bniedem. Għalhekk, li int taqbad u toqtol, bħalma qed jiġri llum fil-konflitti u fil-gwerer, u tgħid: “x’tista’ tagħmel? Fi gwerra qegħdin!”, u ma tqisx il-valur ta’ kull persuna, hi ħaġa ħażina. L-istess, anke meta aħna ma nirrispettawx il-ħajja ta’ kull bniedem mill-ewwel mument meta dil-ħajja tibda, jiġifieri mit-tnissil; u nitkellmu fuq dak il-perjodu ta’ qabel persuna titwieled qisu mhux xejn. Alla jridna nkomplu naħdmu biex nuru għożża u rispett lejn il-ħajja ta’ kull bniedem. Għalhekk, anke meta jkun hemm dir-reazzjoni minn xi wħud – reazzjoni kontra – irridu nkomplu dejjem inwasslu l-verità bl-imħabba. Dan nitolbuh lill-Mulej illum, ispirati minn dil-Kelma tiegħu. Nilqgħu l-Kelma tiegħu, u nwasslu dejjem il-verità bl-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




