L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fit-tieni Ħadd tar-Randan ta’ kull sena nisimgħu dan ir-rakkont. Il-mument, meta Ġesù jagħżel tlieta minn sħabu: lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom” (Mt 17:1); jinġabar fit-talb, u jaraw lill-Imgħallem tagħhom: “wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu abjad bħad-dawl” (Mt 17:2). Ninnutaw li f’din l-esperjenza li tagħha huma xhieda, l-importanti huwa d-dawl. Minn Ġesù joħroġ dan id-dawl.
San Ġorġ Preca, li tiegħu hawn xbieha f’din il-kappella, kien iħobb jgħid li dan id-dawl, din is-sbuħija ta’ Ġesù, kienet b’xi mod sinjal tal-imħabba kbira li kellu għalina. U kienet importanti, li aħna jkollna din ix-xrara tal-imħabba ta’ Ġesù, biex meta naslu għall-Ġimgħa l-Kbira, u narawh umiljat u mkasbar, imneżża’ minn kull dinjità, flaġellat, imsallab u maqtul; meta naraw lil Ġesù sfigurat, aħna niftakru, li għandna xhieda li rawh ukoll trasfigurat. U din l-esperjenza – għax l-esperjenza ta’ Ġesù li jsir dawl aħna ngħidulha t-trasfigurazzjoni, u li nagħmlu l-festa tagħha wkoll fis-6 ta’ Awwissu ta’ kull sena – hu b’xi mod dan id-dawl li jneħħi mis-salib aħrax u kiefer, li Ġesù jitgħabba bih u jitla’ fuqu għall-imħabba tagħna, biex ineħħi minn dan is-salib, dak kollu li jista’ jfixkel, li jbeżżgħana.
Kemm hi għażiża l-Kelma li jgħid lil sħabu, li ħin minnhom quddiem il-preżenza tas-sbuħija tal-Iben, lis-sħaba mimlija dawl, li hu l-Ispirtu tal-Mulej, u l-Kelma tal-Missier: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu” (Mt 17:5). Quddiem dan kollu, ir-reazzjoni tad-dixxipli kienet li “waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’” (Mt 17:6). Imma Ġesù għandu din il-Kelma, li llum jgħidha lili u lilek: “Qumu. La tibżgħux” (Mt 17:7). Tħallux li dak kollu li se ngħaddi minnu, u li intom se tiċċelebraw b’dinjità kbira fil-ġranet imqaddsa u l-Ġimgħa l-Kbira, ma għandux ifixkilkom. Mhijiex lanqas l-aħħar kelma. Hija turija tal-qawwa tal-imħabba tiegħi, li mhix biss kefrija, imma dawl. U din il-kelma llum infakkruha lil ħutna, li fil-ħajja għaddejjin minn diffikultajiet, huma x’inhuma.

Nitolbu wkoll għad-don tal-paċi fid-dinja. L-aħbarijiet tal-aħħar sigħat mhumiex aħbarijiet sbieħ. Li inti tkun id-dar tiegħek, u jibbumbardjawk; li tkun f’airport u jintlaqat bi drone, u tibqa’ hemmhekk, ma tafx x’se jsir minnek, mhumiex affarijiet sbieħ. Ma nixtiquhom lil ħadd, hu min hu – lil ħadd. U aħna hemm bżonn li nħarsu lejn Ġesù, u ngħidulu: inti d-dawl tagħna, għinna fid-dlamijiet li aħna l-bnedmin kapaċi noħolqu mingħajr bżonn. Għax kultant, irridu nammettu li ċertu affarijiet, inġibuhom b’idejna wkoll.
Imma hemm ukoll affarijiet oħra li jiġu fuqna, għal għarrieda: il-mard, id-diffikultajiet fil-ħajja ta’ bejnietna, il-mard mentali. Huma mumenti tad-dlam. U Ġesù jersaq lejna, imissna, kif jgħid l-Evanġelju ta’ San Mattew, u jgħidilna: “Qumu. La tibżgħux” (Mt 17:7). Ġesù llum, fuq il-muntanja jidher sabiħ, attraenti; huwa dawl li niftakru fih fid-diffikultajiet tagħna. Ma naqtgħux qalbna.
L-aħħar kelma li jgħid il-Missier fuq Ibnu, li aħna qegħdin insegwuh f’dan ir-Randan, inwassluh bl-imħabba tagħna, bid-devozzjoni tagħna, bix-xogħol tagħna, biex infakkru l-mewt tiegħu, imma nifirħu wkoll bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Qegħdin insegwuh lill-Iben, u l-Missier jgħid hekk: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17:5). Tant għandna opportunitajiet biex nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù!

Ejjew dan ir-Randan insieħbu d-devozzjoni tagħna, ix-xogħol
tagħna. Nirringrazzja anke liż-żgħażagħ, li sabu l-ħin li jkunu hawn illum. Naf
kemm taħdmu, kemm intom ġenerużi; imma ejjew insieħbu x-xogħol tagħna, id-devozzjoni
tagħna, anke lejn il-qaddisin martri tagħna: San Ġorġ u San Bastjan, billi
nisimgħu l-Kelma tal-Imgħallem bħalma għamlu t-tnejn li huma. Semmgħu l-Kelma
tal-Imgħallem, sabu fih id-dawl, u kellhom il-kuraġġ jagħtu ħajjithom għalih.
Mhux ċajta! Ta’ żgħażagħ li kienu: jagħtu ħajjithom għalih, għax semmgħu
l-Kelma tal-Missier jgħid: “Dan hu Ibni… isimgħu lilu” (Mt 17:5).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 12:1-4a
Responsorju: S 32 (33):4-5,18-19,20 u 22
Qari II: 2 Tim 1:8b-10
L-Evanġelju: Mt 17:1-9




