
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Mhux l-ewwel darba li jkun hemm min jismagħni u ma jaranix. Nispera li tisimgħuni għax il-Kelma tal-lum, bħalma jiġri fil-ħafna Evanġelji li naqraw fl-Avvent, hija Kelma sabiħa, ta’ tama; irrid nawgura li t-talba ta’ dawn iż-żewġ għomja ssir it-talba tagħna, aħna u ngħixu din il-miġja ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: ‘‘Bin David ħenn għalina” (Mt 9:27). Ħalli tkun it-talba ta’ San Ġorġ Preca t-talba tagħna, b’mod speċjali matul dan l-Avvent: Sinjur Alla jien għandi bżonnok.
U nitolbuha din it-talba f’isem l-umanità, f’isem l-umanità li ħafna drabi ma tħossx il-bżonn ta’ Alla, jew għax tibża’ minnu, jew għax ma tafux u ma tagħrfux. Ma jistax ikollok għatx għal xi ħaġa li ma tafx biha; jista’ jkun li b’xi mod fil-kumpass tal-qalb ta’ kull bniedem hemm xi kalamita misterjuża li tiġbidna lejn xi ħaġa li ma nagħrfux, li ma nafux, li nħossu li tista’ tagħtina l-paċi, is-serħan: l-esperjenza tal-imħabba vera. U din hija l-esperjenza tal-imħabba t’Alla għax aħna maħluqin xbieha tiegħu. Allura mingħajr ma rridu aħna miġbudin lejn dak li hu tajjeb, lejn dak kollu li hu veru, lejn dak kollu li hu sabiħ. Għax dan huwa Alla li hu tajjeb, li hu veru, li hu sabiħ.
‘‘Bin David ħenn għalina” (Lq.18:38). X’inhija l-kundizzjoni ta’ dawn iż-żewġ għomja? Hija kundizzjoni ta’ limitazzjoni kbira. Dak li qed jitolbu huwa li jkunu jistgħu jaraw. Aħna jista’ jkun li għandna l-vista, imma hemm affarijiet f’ħajjitna, madwarna, li għandna bżonn narawhom kif jarahom Alla. Jista’ jkun li inti f’dan il-Milied Imqaddes għandek bżonn li titlob il-grazzja li tara lilek innifsek u tħares lejk innifsek, kif iħares lejk Alla. Alla li huwa mħabba, li hu Missierna, li hu għani fil-ħniena, li għalik huwa s- Salvatur, li għalik huwa l-Emmanuel. Jista’ jkun li meta inti tħares lejk innifsek, inti ser tiddiżappunta ruħek, donnok titlef kull tama. Imma Alla li jħobbok, li ħalqek xbieha tiegħu, ma jistax ma jħobbokx.

U allura nitolbuh lill-Mulej li aħna naraw lilna nfusna u lill-proxxmu tagħna, anke jekk hu mżejjen b’antipatija, narawh kif jarah Alla. Jista’ jkun li jien mhux kapaċi nagħder lil sieħbi jew lil seħibti fuq ix-xogħol, imżejnin b’tant antipatija, imma Alla jħares lejhom u jara fihom affarijiet li jien ma nistax inkun nafhom, iħenn għalihom u jagħdirhom.
Il-mamà kienet tħobb tirrakkonta li meta kienu għadhom żgħażagħ, waħda ġiet kollha entużjasta u qalet: sibt ġuvni kieku taf kemm hu antipatiku, forsi riedet tgħid simpatiku. Ma nafx x’ġara, jekk baqgħux flimkien, u minflok simpatiku veru sabitu antipatiku, u marret il-ġenna minn fuq daharu jew minn fuq daharha.
Imma żgur li meta Alla jħares lejna l-aħwa, għandu simpatija tal-ħarsa tiegħu fuqna, li aħna ma aħniex kapaċi nużawha fuqna nfusna u fuq xulxin. “Għajnejhom infethu”: kemm tkun grazzja kbira li f’dan l-Avvent li għajnejna jinfethu għal forsi xi ħaġa li għandi bżonn inbiddel f’ħajti, jew inkompli inkabbar l-imħabba. It-tliet kelmiet li Papa Franġisku kien iħobb itenni huma ċ-ċavetta tar-relazzjonijiet: Please, thanks u sorry.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 29, 17-24
Salm: Salm 26 (27), 1.4.13-14
L-Evanġelju: Mt 9, 27-31




