L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mark 2:18). Din id-domanda għamluha lil Ġesù d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej, u tidher domanda sempliċi. Imma, fil-fatt, hija domanda li turi iktar minn hekk – għax turi verament x’inhi r-relazzjoni ma’ Alla, xi tfisser il-fidi, u anke l-prattika reliġjuża bħalma hi dik li ssum.
It-tweġiba ta’ Ġesù lilhom li kienu mdorrijin, bħala Lhud, b’din l-ispiritwalità – jiġifieri li hemm mumenti meta jsumu, u jsumu fis-sens li tissaħħaħ ir-relazzjoni ma’ Alla għax id-dixxiplina tagħhom infushom tgħinhom biex ikunu aktar miftuħin għal Alla – ir-risposta ta’ Ġesù hi billi jgħidilhom xi ħaġa li min kien midħla tat-Testment il-Qadim, bħalma kienu ħafna minnhom, fehem x’qed jgħid. Jgħid: “Huwa l-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?” (Mark 2:19). Għaliex, fit-Testment il-Qadim, f’Isaija, insibu din ir-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu proprju b’din it-tixbieha: tal-għarus u l-għarusa (ara Isaija 62:5). Għalhekk, il-ħbieb tal-għarus huma l-ħbieb ta’ Alla. Qed jagħmel dikjarazzjoni li hu Alla. Waqt li d-dixxipli għandhom lilu, qegħdin fil-preżenza hekk importanti u sabiħa ta’ Alla. Jgħid: “Jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom” (Mark 2:20) – ġa qed iħabbar minn qabel li se joqtluh, imbagħad dik inhar id-dixxipli jkollhom dik it-telfa tiegħu minn magħhom, sakemm hu jqum mill-mewt għal ħajja ġdida.
Li qed jgħid Ġesù huwa li s-sawm ma għandekx tħares lejh sempliċiment bħala prattika reliġjuża, obbligu mal-obbligi l-oħra li għandek. Imma għandu jkun tassew espressjoni ta’ fidi. Għalhekk espressjoni ta’ fidi li tilqa’ lil Alla li ġie fostna. Qed jgħid Ġesù: meta hemm il-ġdid preżenti, għandek tilqgħu inti – mhux sempliċiment tkompli b’ta’ qabel.
Fil-fatt dan hu li jispjega aktar ’il quddiem fl-Evanġelju tal-lum meta jgħid fuq il-mantar il-qadim li int ma traqqux b’biċċa ġdida, għax inkella ssellet id-drapp u ma jirnexxilekx. U l-istess fuq id-damiġġani qodma tal-ġild li ma tpoġġix inbid ġdid fihom. Dawn huma tixbihat li bihom Ġesù qed jgħid: hawn, fostkom, hawn il-ġdid. U intom għandkom tilqgħuh il-gdid, mhux sempliċiment tkomplu bil-prattiċi ta’ qabel.
Dan hu li jgħid lilna wkoll. Speċjalment b’dawn it-tixbihat, Ġesù lilna qed jistedinna biex nilqgħuh tassew bħala l-ġdid f’ħajjitna. Il-kelma tiegħu u l-preżenza tiegħu jkunu għalina dawk li jġibu bidla vera, reali fil-ħajja tagħna. Mhux qisu aħna nkomplu bil-ħajja kif normalment nagħmlu – fis-sens, li jekk jien għaddej minn vizzji, imbagħad indaħħal, nagħmel xi ħaġa reliġjuża, qisha tiċpisa. Imma l-kelma ta’ Alla għandha tbiddel il-qalb tagħna, twassal għal bidla vera fil-ħajja tagħna, bidla reali mhux xi ħaġa biss tal-faċċata. Dan hu li qed jgħid Ġesù hawnhekk, u dan hu l-appell li jagħmel lilna. Aħna kultant jista’ jiġrilna dan: li nissetiljaw f’tip ta’ ħajja fejn għaddejjin u kultant indaħħlu xi ħaġa reliġjuża biex qisna nikkuntentaw lil Alla. Ġesù qed jgħid: mhux hekk il-ħajja tagħna ta’ fidi, imma għandha ġġib fina dik il-bidla, it-trasformazzjoni, għax għandna lilu magħna. Il-kelma tiegħu għandha ġġib fina tassew din il- bidla għall-aħjar, bidla tal-qalb, mhux sempliċiment tal-faċċata.
Nitolbu lill-Mulej li aħna nagħrfu dan il-ġdid li jġib f’ħajjitna, li dejjem hu sabiħ, dejjem jagħmel ħajjitna aħjar, imma jiddependi ħafna fuq kemm aħna nilqgħuh f’qalbna u naċċettawh fil-ħajja tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




