
Ittra tal-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV lill–Ministri Ġenerali tal-Konferenza tal-Familja Franġiskana fl-okkażjoni tal–ftuħ tat–VIII Ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi
Lill-Ministri Ġenerali
tal-Konferenza tal-Familja Franġiskana
“Oħtna l-mewt”, esklama San Franġisk fit-3 ta’ Ottubru 1226 fil-Porzjunkola, huwa u sejjer jiltaqa’ magħha bħala bniedem sa fl-aħħar fis-sliem. Għaddew tmien sekli mill-mewt tal-Fqajjar ta’ Assisi li kiteb b’karattri inċiżivi l-kelma tas-salvazzjoni ta’ Kristu fil-qlub tal-bnedmin ta’ żmienu.
Aħna u nfakkru r-rikorrenza sinifikattiva tat-VIII Ċentinarju mit-Transitu tiegħu, nixtieq ningħaqad spiritwalment mal-Familja Franġiskana kollha u ma’ dawk li se jieħdu sehem fil-manifestazzjonijiet kommemorattivi, waqt li nawgura li l-messaġġ ta’ paċi jista’ jsib eku profond fil-Knisja u s-soċjetà tal-lum.
Fil-bidu tal-ħajja evanġelika tiegħu, hu kien sema’ sejħa: “Il-Mulej nebbaħni nagħti din it-tislima: ‘Il-Mulej jagħtik is-sliem’”.[i] B’dawn il-kelmiet essenzjali, huwa jgħaddi lill-Aħwa tiegħu u lil kull min jemmen l-istagħġib interjuri li l-Vanġelu kien poġġa fil-ħajja tiegħu: il-paċi hija l-ogħla ġid ta’ Alla, don li jinżel mill-Għoli. X’illużjoni tkun jekk naħsbu li nistgħu nibnuha bil-qawwa umana waħidha! U madankollu hija don attiv, li għandna nilqgħuh u ngħixuh ta’ kuljum.[ii]
Din hi l-istess tislima li nhar l-Għid filgħaxija Kristu Rxoxt ta lid-dixxipli tiegħu, imbeżżgħin u magħluqin fiċ-Ċenaklu: “Il-paċi magħkom”.[iii] Mhix xi formula ta’ kortesija, imma t-tħabbira żgura tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. L-istess bħal leħen l-anġli fil-lejl tal-Milied – “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb”[iv] – hekk il-paċi li l-Missier Serafiku jħabbar hi dik li dwiet minn Kristu nnifsu mas-sema u l-art.
F’dan iż-żmien tagħna, immarkat minn tant gwerer li jidhru bla tmiem, minn firdiet ġewwiena u soċjali li joħolqu suspetti u biża’, huwa jkompli jitkellem. Mhux biex joffri soluzzjonijiet tekniċi, imma biex il-ħajja tiegħu turina l-għajn awtentika tal-paċi.
Il-viżjoni Franġiskana tal-paċi ma tillimitax ruħha għar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, imma tħaddan il-ħolqien kollu. Franġisku, li lix-xemx isejħilha “oħti” u lill-qamar “ħija”, li jagħraf f’kull ħlejqa mera tal-ġmiel divin, ifakkarna li l-paċi għandha titwessa’ għall-familja kollha tal-Ħolqien. Din l-intuwizzjoni tidwi b’urġenza partikulari fi żmienna, meta d-dar komuni hi mhedda u qed tokrob taħt l-isfruttament. Il-paċi ma’ Alla, il-paċi bejn il-bnedmin u mal-Ħolqien huma dimensjonijiet inseparabbli ta’ sejħa waħda għar-rikonċiljazzjoni universali.
Għeżież ħuti, jalla l-eżempju u l-wirt spiritwali ta’ dan il-Qaddis, qawwi fil-fidi, sħiħ fit-tama u mħeġġeġ fl-imħabba ħabrieka lejn il-proxxmu, iqanqlu f’kulħadd l-importanza li nafdaw fil-Mulej, li ngħixu ħajja fidila lejn il-Vanġelu, li naċċettaw u ndawlu bil-fidi u bit-talb kull ċirkustanza u azzjoni tal-ħajja.
F’din is-Sena ta’ grazzja, nixtieq ngħaddilkom talba biex San Franġisk ta’ Assisi jissokta jsawwab fina lkoll l-hena perfett u l-fehma waħda:
San Franġisk, ħuna, int li tmien mitt sena ilu
mort tiltaqa’ ma’ oħtna l-mewt bħala bniedem fis-sliem,
idħol għalina quddiem il-Mulej.
Int fil-Kurċifiss ta’ San Damjan għaraft il-paċi vera,
għallimna nfittxu fih l-għajn ta’ kull rikonċiljazzjoni
li ġġarraf kull ħajt.
Int li, mingħajr armi, qsamt il-fruntieri tal-gwerra
u tan-nuqqas ta’ ftehim,
agħtina l-kuraġġ li nibnu pontijiet
hemm fejn id-dinja toħloq konfini.
F’dan iż-żmien mifni minn kunflitti u firdiet,
idħol għalina biex insiru bennejja tal-paċi:
xhieda bla armi u li nxejnu l-armi,
ħa nġibu s-sliem li jiġi minn Kristu.
Amen.
B’dawn is-sentimenti, nesprimi
xewqat ħerqana ta’ ġid speċjalment għalikom kollha li ssegwu l-kariżma
tal-Fqajjar ta’ Assisi u għal dawk li se jfakkru b’diversi modi t-tifkira tad-dies
natalis tiegħu, waqt li minn qalbi nibgħat kif mixtieq il-Barka Appostolika
tiegħi.
[i] Testment 23.
[ii] Ara Papa Ljun XIV, Diskors lill-Korp Diplomatiku, 16 ta’ Mejju 2025.
[iii] Ġw 20:19.
[iv] Lq 2:14
Mill-Vatikan, 7 ta’ Jannar 2026
LJUN PP. XIV
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard




