L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha” (Lq 2:1). Dan huwa kif jibda r-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù skont San Luqa. Jibda billi jurina x’ried jagħmel Ċesari Awgustu, l-Imperatur, li ried jgħodd kemm kellu nies, kemm kien kbir l-imperu tiegħu. U filwaqt li naraw f’din id-daħla x’ried jagħmel l-Imperatur, u jissemma wkoll Kirinu li kien “gvernatur tas-Sirja” (Lq 2:2), filwaqt li jissemmew dawn in-nies li kellhom il-poter, li kienu jaħkmu fuq art kbira, imbagħad ir-rakkont idur fuq tnejn min-nies sempliċi – Ġużeppi u Marija – li mexjin biex imorru Betlem ħalli jagħmlu dak li kien qed jitlob id-digriet ta’ Ċesari Awgustu, u meta kienu hemm, jitwieled Ġesù, u jitwieled f’għar.

Hemm dan il-kuntrast qawwi bejn min dak iż-żmien kellu l-poter, u Ġesù li twieled f’dan l-għar. Ġesù – li kif rajna diversi drabi llum fil-Kelma ta’ Alla – hu s-Salvatur. Meta l-anġlu deher lir-rgħajja, tahom din l-Aħbar: “Illum…tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:11). Araw x’kuntrast kbir – is-Salvatur, il-Messija, il-Mulej, jitwieled f’għar, jitqiegħed f’ maxtura, filwaqt li hemm din il-ħidma kollha għaddejja minn min għandu l-poter fuq in-nies biex jara l-qawwa tal-poter li għandu.

Nixtieq illum, f’dan il-lejl qaddis tal-Milied, li nirriflettu fuq din l-għażla ta’ Alla. Kien hu li għażel li jitwieled fostna b’dal-mod. Hemm messaġġ importanti li jagħtina f’din l-għażla tiegħu li jitwieled tarbija mimduda f’maxtura f’għar.

Għażla ta’ mħabba

X’naraw f’din l-għażla ta’ Alla? L-ewwel nett, hija għażla ta’ mħabba, tal-akbar imħabba: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). 

Għalhekk, f’din il-ġrajja, tolqotna, qabel xejn, din l-imħabba kbira ta’ Alla – Alla li dejjem jagħti lill-bniedem din l-imħabba tiegħu biex isalvah, biex jagħmillu l-ġid. Għandna din il-festa ta’ mħabba kbira f’Marija, Ġużeppi u Ġesù fl-għar – familja ta’ mħabba.

Għażla ta’ sempliċità

X’turina aktar din l-għażla ta’ Alla? Turina l-għażla ta’ sempliċita. Alla għażel li jiġi fostna bl-iktar mod sempliċi. L-anġlu qal lir-rgħajja: “Bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Ara jekk jistax ikun sinjal aktar sempliċi minn dan! Alla għażel li jitwieled fis-sempliċità, u din kompliet turi ruħha kontinwament fil-ħajja ta’ Ġesù sal-aħħar.

Aħna kultant, sforz ukoll l-imħabba tagħna u l-mod kif naraw l-affarijiet bħala bnedmin, nippruvaw qisna nikkoreġu din l-għażla ta’ Alla tas-sempliċità; u nitkellmu fuq unuri, privileġġi, u fuq min jiġi l-ewwel, u min hu l-iktar importanti fil-ħajja tal-Knisja. Alla kull darba jfakkarna fil-lejl tal-Milied, f’din l-għażla li għamel hu: għażla ta’ l-akbar sempliċità.

Għażla ta’ ferħ

L-għażla ta’ Alla ġġib il-ferħ. L-imħabba u s-sempliċità jnisslu tassew il-ferħ. Hekk kienet l-Aħbar: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). Ferħu Marija u Ġużeppi fit-twelid ta’ Ġesù, ferħu r-rgħajja.

Hu l-ferħ tassew tal-qalb. Mhuwiex il-ferħ li jfisser biss pjaċir. Żgur li f’din il-ġrajja, Marija u Ġużeppi ma ħadux pjaċir li kellhom jagħmlu dik it-triq meta Marija kienet tqila, ma ħadux pjaċir li ma kellhomx post deċenti fejn jitwieled Ġesù, kif jgħid San Luqa: “Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7). Ma kinux qed jieħu pjaċir, imma kellhom f’qalbhom ferħ kbir li jġib Alla bil-preżenza tiegħu. Hi preżenza li ġġib ħafna ferħ.

Għażla ta’ paċi

L-għażla ta’ Alla ġġib il-paċi. Hekk ħabbru l-anġli: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (Lq 2:14) Hija din il-paċi li kellhom f’ħajjithom Marija u Ġużeppi, hija din il-paċi tal-preżenza ta’ Alla, il-paċi li kellhom f’ħajjithom dawk kollha li laqgħu lil Ġesù.

Hija l-paċi li tegħleb kull biża’ – bħalma kienet l-esperjenza tar-rgħajja li fil-bidu, kif raw l-anġlu tal-Mulej, “qabadhom biża’ kbir” (Lq 2:9), imma għelbu dal-biża’ bil-paċi li ġabet fihom din l-Aħbar hekk kbira.

Għażla ta’ ħajja

Hija għażla wkoll favur il-ħajja. Ġesù, darba minnhom, hekk spjega lin-nies: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Għalhekk ġie. U meta naraw tarbija, mal-ewwel napprezzaw x’valur għandha l-ħajja. Il-Milied jurina dan fit-tarbija ta’ Betlehem: kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-ħajja.

Fil-Milied, raw din il-ħajja ġdida Marija u Ġużeppi, imbagħad ir-rgħajja. Imma aħna nafu li l-ħajja ta’ Ġesù ma bdietx dak inhar. Bdiet mat-tnissil. Hija l-festa titulari li niċċelebraw hawnhekk f’din il-knisja, il-Lunzjata – it-tħabbira tal-Mulej. Hemmhekk tnissel Ġesù, hemmhekk kien il-bidu tal-ħajja umana tiegħu li laqgħetha Marija fi ħdanha, imbagħad setgħet twelled lil Ġesù.

L-għażla ta’ Alla hija dejjem għażla favur il-ħajja li għandha tkun rispettata u protetta f’kull waqt: mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. 

Għażla mhijiex imposta

Din hija l-għażla li qed niċċelebraw illum f’dan il-lejl tal-Milied. Iktar ma naċċettaw lill-Mulej bħala s-Salvatur tagħna, iktar nistgħu nifhmu u ngħixu tassew dan l-ispirtu li naraw fl-għażla li għamel Alla.

Ġieli jkun hemm min jgħid: Ġesù ġie elfejn sena ilu, u aħna nitkellmu fuq l-imħabba, is-sempliċità, il-ferħ, il-paċi, il-ħajja. Imma jekk inħarsu lejn dak li jiġri llum, nistaqsu: x’differenza għamlet il-miġja ta’ Ġesù fostna? Kien hemm il-mibegħda, u għadha qawwija llum; kien hemm il-ġlied u l-konflitti, u huma tant mifruxa bil-goff illum; kien hemm tant ħażen, u hekk għad hawn illum. X’differenza għamlet il-miġja ta’ Ġesù?

Ir-risposta narawha proprju f’dik is-sentenza tal-Evanġelju: “ma kienx hemm post għalih” (Lq 2:7). Diversi ma laqgħuhx. Imma dawk li laqgħuh – l-ewwel fosthom Marija u Ġużeppi, u r-rgħajja – Ġesù ġab fihom l-imħabba, is-sempliċità, il-ferħ, il-paċi, il-ħajja. Għalhekk l-għażla ta’ Alla qatt ma hi imposta – trid taċċettaha bilfors – imma hija għażla li tagħmlilna stedina biex nilqgħuha b’mod liberu.

Għalhekk il-messaġġ li tagħtina din il-festa tal-Milied hu: ejjew nilqgħuh, ejjew nagħmlu ’l qalbna bħal dak l-għar li laqgħu, mhux bħal dik il-lukanda li rrifjutatu. Hija din l-għażla li nagħmlu kull darba li niġu hawn għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija: tfisser li rridu nilqgħuh f’qalbna. Nitolbu lill-Mulej f’dan il-lejl tal-Milied li qalbna tkun tassew qalb li tilqgħu, u li jġib fina l-imħabba, is-sempliċità, il-ferħ, il-paċi, il-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta