L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Appostlu Missierna jipprova jispjega dan il-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw illum. U nixtieq noffri riflessjoni qasira fuq dak li jgħid l-Appostlu Missierna. Meta jispjegalna li fil-misteru kbir tal-Milied feġġet it-tjieba ta’ Alla, l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, is-salvazzjoni tiegħu, it-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, il-ħniena tiegħu, il-grazzja tiegħu, il-ħajja u t-tama.

Jekk irridu niġbru fil-qosor l-esperjenza tal-Milied, tajjeb nieqfu fuq dawn il-valuri sbieħ li jsemmi l-Appostlu Missierna San Pawl meta jikteb lid-dixxiplu żagħżugħ li kien jismu Titu. Pawlu qed jitkellem fix-xjuħija tiegħu u x’aktarx fil-ħabs fejn kien, Ruma. Imma t-tama tiegħu f’Ġesù ma tonqosx (Tit 2:11-14). Ħafna drabi meta naħsbu li tteħdilna kollox, insibu libertà kbira. Imma nitolbu li f’dawk il-mumenti, tibqa’ fina x-xrara tal-imħabba li għandu Alla għalina.

Għax illum fil-Milied, aħna u nħarsu lejn it-tarbija, ejjew nifhmu li f’dik it-tarbija ċkejkna, vulnerabbli, mingħajr qawwa, umana, umli u ġwejda, dipendenti totalment fuq il-ġenituri tagħha; b’dik it-tarbija ta’ Betlehem feġġet it-tjieba ta’ Alla, li ma jħabbatx fuq il-bieb ta’ qalbna bil-vjolenza imma bil-ħlewwa. Il-proposta tiegħu tħallina liberi ngħidu ‘le’. Imma meta ngħidu ‘iva’ u niftħu l-qalb tagħna għalih, insibu libertà kbira. Il-ħajja tiskopri togħma sabiħa. Fi kliem ieħor, minkejja d-dgħjufija tagħna, nibdew ngħixu l-ġenna minn issa.

U għalhekk illum nitolbuh li bil-ħarsa ħanina tiegħu, isaffina minn kull hemm, minn kull għawġ, rabja, minn dak kollu li jbegħedna minnu, u li nilqgħu t-tjieba tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu. Wara kollox hu ġie jsalvana billi jkun wieħed minna. U meta nħarsu lejn din it-tarbija fil-maxtura ta’ Betlehem, nirrealizzaw li lkoll kemm aħna, għandna stedina. Stedina mhux bilfors taċċettaha – stedina li nersqu lejh, li ngħidulu b’umilità imma b’realiżmu li ngħidulu li għandna bżonnu, li l-kelma tiegħu hija kelma ta’ paċi, ta’ mħabba, u ta’ solidarjetà.

Waqt li nawguraw lil xulxin il-Milied it-Tajjeb, ejjew nawguraw li aħna jkollna dawn is-sentimenti u din l-esperjenza, li meta naħsbu f’Alla, ma naħsbux fil-biża’ jew fir-rabja, imma fil-ħarsa ħelwa ta’ tarbija, fil-ħniena tiegħu, fit-tjieba tiegħu.

Illum meta nitolbu l-Kredu, f’ħin minnhom infakkru li l-Iben t’Alla Sar Bniedem. Nistedinkom dak il-mument, nieqfu ftit, u fuq għarkupptejna nagħmlu sinjal ta’ adorazzjoni, għal dan il-misteru kbir li qed niċċelebraw.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 62:11-12
Salm: 96 (97):1.6, 11-12
Qari II: Tit 3:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:15-20

Aktar ritratti