L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
L-innu sabiħ tal-Magnificat, li għadna kif smajna fl-Evanġelju llum, huwa innu li baqa’ fit-tradizzjoni tal-Knisja tul is-snin bħala innu speċjali għax ħareġ minn fomm Marija stess. Huwa innu ta’ tifħir lil Alla. Tajjeb niftakru mal-ewwel li Marija hawnhekk ma kinetx qiegħda f’sitwazzjoni faċli, sabiħa, bħalma kultant nistgħu nkunu aħna f’mumenti minnhom meta f’ċelebrazzjoni nkantaw jew nitolbu dan l-innu. Meta Marija qalet dal-kliem hawnhekk, kienet f’sitwazzjoni pjuttost diffiċli għaliha – għada żagħżugħa, iġġorr fiha dan il-misteru kbir li se twelled lil Ġesù, u qiegħda hawnhekk għand Eliżabetta fejn qed takkumpanja lilha wkoll. Imma Marija hawnhekk tispjega dak li hu essenzjali fil-ħajja tagħna Nisranija, speċjalment kif Alla jaħdem fl-Istorja. Ħa naraw ftit punti sbieħ minn dan l-innu.
Tibda: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Huwa dak li għedna wkoll fis-Salm: “Ferħet qalbi bil-Mulej” (1 Samwel 2:1). Kemm hu sabiħ li aħna niftakru li l-kliem fuq fommna għandu jkun kliem ta’ tifħir lil Alla. U kemm jistona kultant meta fost dawk li jemmnu stess, minflok kliem ta’ tifħir, ikun kliem ta’ tkasbir lil Alla! Għalhekk tajjeb niftakru illi tagħmel il-ħajja tagħna isbaħ, u tal-oħrajn isbaħ, meta fuq fommna jkollna kliem ta’ tifħir: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46-47).
Tgħid Marija: “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Dan għaliex nafu mill-ħajja tagħha, imma nafu wkoll mill-Iskrittura kollha, kif Alla jagħżel lil min hu umli. Imma xi tfisser l-umiltà? L-umiltà ma tfissirx li int twaqqa’ lilek innifsek jew li jkollok idea baxxa tiegħek innifsek. Dik mhix umiltà! L-umiltà tfisser li inti tagħraf li kollox ġej mill-grazzja ta’ Alla. Il-ġid kollu ġej minnu, mhux minnek. U aħna nirċevuh, nilqgħuh, ta’ dan nirringrazzjaw lill-Mulej, u ngħixu dejjem b’din il-gratitudni f’qalbna. Allura verament inkunu qed ngħixu b’umiltà.
Marija tgħid ukoll: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). Hekk tagħlaq ukoll lejn l-aħħar tal-innu: “ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54). Kemm hu sabiħ li aħna niftakru li aħna għandna din il-grazzja li nilqgħu fina l-ħniena ta’ Alla, u li nwasslu din il-ħniena lill-oħrajn – il-ħniena li tfisser imħabba bla kundizzjoni, imħabba sħiħa, imħabba li tasal anke għand dawk li qegħdin f’sitwazzjoni diffiċli fil-ħajja tagħhom.
U Marija tgħid dan il-kliem li hu speċjali fuq fommha, meta tgħid: “xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52). Dan huwa kliem profetiku, huwa kliem rivoluzzjonarju wkoll, għax qed jgħid li Alla jaħdem fl-Istorja u li għalih, min jitkabbar, jiċċekken. U min jaħseb li hu xi ħaġa, wara ftit ta’ żmien, jinduna li mhu xejn. Il-Mulej jurina anke fl-Istorja tal-umanità kif min ħaseb li hu xi ħaġa, min tkabbar, kellu mbagħad waqgħa kbira. Għax jekk inti taħseb li minnek ġej kollox, li inti l-kbir, imbagħad tieħu sabta kbira. Mentri jekk inti tagħraf li l-ġid kollu ġej minnu, u tilqgħu, u taqsmu mal-oħrajn, u tgħix b’din il-gratitudni u b’din l-imħabba lejn l-oħrajn, hemmhekk differenti. Għalhekk dal-kliem huwa qawwi, imma hu veru, hu reali – “xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin”.
Imbagħad, meta Marija tgħid “Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:53), hawnhekk għandna kemm dak li, fil-fatt, għamel il-Mulej – kif naraw fil-ħajja ta’ Ġesù, li tema lil dawk li huma bil-ġuħ, u din hi opra importanti ħafna għall-Insara; imma wkoll, bħalma semma Ġesù stess, bil-ġuħ għall-ġustizzja, għall-maħfra, għall-paċi, għall-imħabba. Huwa Alla li tassew jimla l-ħajja tagħna b’dak li aħna nixxennqu għalih.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna jkollna dejjem fuq fommna u f’qalbna dan l-innu sabiħ ta’ Marija, li jfisser mhux biss li aħna nissieħbu magħha fit-tifħir lil Alla, imma li nagħrfu wkoll kif Alla jaħdem fl-Istorja u fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




