L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija fit-Tempju ma nsibuhiex fl-Iskrittura. Qiegħda fil-Letteratura Apokrifa, fl-Evanġelju Apokrifu skont San Ġakbu, fejn hemm li l-ġenituri tagħha ppreżentaw lil Marija, meta kienet għadha żgħira, ta’ tliet snin.
Imma hemm tifsira importanti, anke jekk ma nafux dettalji storiċi fuq x’sar eżattament u x’ma sarx. Hemm tifsira li mindu kienet għadha żgħira, Marija ġiet ippreżentata lil Alla fit-Tempju, biex hemmhekk, mindu żgħira, hi diġà qed tkun konsagrata lil Alla biex tagħmel ir-rieda tiegħu u hemmhekk, fit-Tempju, tagħti qima lil Alla u ssir hi t-Tempju l-iktar importanti fejn Ġesù jitwieled.
Għalhekk hemm rabta kbira bejn din it-tifkira li qed nagħmlu llum, u l-Evanġelju li smajna skont San Mattew, meta jgħidlek li Ġesù kien qiegħed jitkellem u ġew ommu u l-qraba tiegħu li kienu qegħdin ifittxu li jkellmuh. U xi ħadd ġie jgħidlu: “ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk” (Mt 12:47). Issa f’ċirkustanzi normali tibda tgħid: ma setax Ġesù waqaf milli kien qed jgħid, u jgħidilhom “minuta waħda, ħa nara x’iridu u mbagħad inkompli”, u ħareġ naqra jkellem lil ommu u lill-qraba tiegħu?
Imma Ġesù ma għamilx hekk. Qal: “Min hi ommi, u min huma ħuti?” (Mt 12:48) Imbagħad qal: “Kulmin jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija u oħti u ommi” (Mt 12:50). B’dal-kliem tiegħu qiegħed ifaħħar bl-iktar mod sabiħ lil ommu, lil Marija, għax hi kienet l-ewwel waħda li qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Kienet lesta tagħmel ir-rieda tal-Missier. U għalhekk b’dal-kliem mhux qiegħed b’xi mod jew ieħor ma jagħtix każ ta’ ommu u jkompli jitkellem, imma bil-kliem li qal Ġesù qed ifaħħar lil ommu għall-aktar ħaġa importanti. Kien hemm ċirkustanza oħra, fl-Evanġelju skont San Luqa, meta kien hemm waħda mara fil-folla u għajtet tfaħħar lil ommu għax hi ommu, u Ġesù qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Lq 11:28). Għax ommu kienet dik li semgħet il-kelma ta’ Alla u ħaristha. Għalhekk, hawnhekk, b’dal-kliem tiegħu qed ifaħħar lil ommu.
Dak li sar fil-preżentazzjoni tal-Verġni Marija meta kienet għadha żgħira – jiġifieri d-dedikazzjoni tagħha biex hi tkun kollha kemm hi ta’ Alla u tagħmel ir-rieda tiegħu – hekk għamlet Marija, u għal dan qed ifaħħarha hawnhekk Ġesù. Fil-fatt, irridu niftakru wkoll li fl-Evanġelju, l-aħħar kliem miktub li hemm li qalet Marija hu proprju dan: meta fit-tieġ ta’ Kana qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Mela dejjem hija t-tfittxija tar-rieda ta’ Alla. Hi lesta biex tagħmel dak li jrid Alla. Għalhekk dak li sar fil-preżentazzjoni tagħha fit-tempju twettaq b’din il-ħajja tagħha, li fiha hi dejjem fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla anke fl-iktar mumenti ta’ tbatija, bħal meta narawha taħt is-salib.
Il-messaġġ li jagħti lilna Ġesù hu importanti ħafna. Għax qed jgħid li lilna jgħoddna wkoll bħala membri tal-familja tiegħu. Meta aħna nfittxu tassew dak li jrid Alla u nagħmlu r-rieda tiegħu, Ġesù qed jgħid: kulmin jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak huwa ħija, oħti u ommi. Lilna qed jgħoddna wkoll bħala membri tal-familja tiegħu jekk aħna nfittxu li nagħmlu tassew dak li jrid Alla. Għalhekk dak hu li jixtieq għalina Ġesù: li bħal Marija – hi b’mod speċjali għax hi ommu u l-ewwel eżempju ta’ dan – li aħna nieħdu l-eżempju tagħha u nfittxu li nagħmlu dejjem ir-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. Hekk inkunu tassew qed ngħixu fil-familja tiegħu – fl-imħabba, fil-ferħ, fil-paċi, li ġġib din l-esperjenza li aħna parti mill-familja ta’ Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




