OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

“Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Għeżież ħuti, smajna dawn il-kelmiet ta’ Ġesù aħna u nfakkru l-125 anniversarju mid-Dedikazzjoni ta’ din il-knisja, li tant xtaqha l-Papa Ljun XIII, u ppromova l-bini tagħha.

Fil-ħsieb tiegħu, din il-binja, flimkien ma’ dik tal-Kulleġġ internazzjonali li hemm magħha, kellha tikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-preżenza Benedittina fil-Knisja u fid-dinja, permezz ta’ għaqda dejjem ikbar fi ħdan il-Konfederazzjoni Benedittina, għan li għalih ġie introdott ukoll l-Uffiċċju tal-Abbati Primat. U dan għaliex hu kien konvint li l-Ordni antik tagħhom seta’ jkun ta’ għajnuna kbira għall-ġid tal-Poplu kollu ta’ Alla f’mument mimli sfidi, kif kien il-passaġġ mis-seklu 19 għas-seklu 20.

Ritratt: Vatican Media

Fil-fatt, il-monakiżmu sa mill-bidu tiegħu kien realtà “tal-fruntiera”, li wassal lil irġiel u nisa qalbiena biex joħolqu ċentri ta’ talb, xogħol u karità fil-postijiet l-aktar remoti u iebsa, fejn spiss bidlu nħawi mwarrba f’artijiet għammiela u għonja, mill-perspettiva agrikola u ekonomika, imma fuq kollox spiritwali. Hekk, il-monasteru sar dejjem aktar karatteristika ta’ post fejn wieħed jikber, isib il-paċi, l-ospitalità u l-għaqda, imqar fil-perjodi l-aktar mudlama tal-istorja.

Imqar fi żmienna ma jonqsux sfidi x’naffrontaw. Il-bidliet f’salt li qed naraw iseħħu jipprovokawna u jinterrogawna, u jqajmu problematiċi li sa issa qatt ma konna rajna. Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkarna li, bħall-Appostlu Pietru, u flimkien miegħu Benedittu u tant oħrajn, anki aħna nistgħu biss inwieġbu għall-esiġenzi tas-sejħa li rċivejna jekk inqiegħdu lil Kristu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna u tal-missjoni tagħna, ibda minn dak l-att ta’ fidi li bih nagħrfu fih is-Salvatur u nibdluh f’talb, fi studju, fl-impenn għal ħajja qaddisa.

F’din is-sede dan iseħħ b’diversi modi: fil-liturġija, qabelxejn, imbagħad fil-Lectio divina, fir-riċerka, fil-kura pastorali, bis-sehem ta’ monaċi minn kull naħa tad-dinja u bil-ftuħ għal kjeriċi, reliġjużi u lajċi mill-aktar provenjenzi u kundizzjonijiet differenti. Il-monasteru, l-Atenew, l-Istitut Liturġiku, l-attivitajiet pastorali marbuta mal-knisja, f’konformità mat-tagħlim ta’ San Benedittu, għandhom b’dan il-mod jikbru dejjem iżjed f’sinerġija bħala “skola [awtentika] tas-servizz lill-Mulej” (San Benedittu, Regola, Prologu, 45).

Ritratt: Vatican Media

Għalhekk jien ħsibt fil-kumpless li ninsabu fih bħala realtà li għandha timmira li ssir qalb li tħabbat fil-ġisem kbir tad-dinja Benedittina bil-knisja fil-qalba tagħha, kif jgħallem San Benedittu.

L-Ewwel Qari (ara Eżek 43:1-2,4-7a) ippreżentalna x-xbieha tax-xmara ħierġa mit-Tempju. Din tiħdol f’armonija tajba ħafna ma’ dik tal-qalb li tippompja l-ħajja permezz tad-demm fil-ġisem, biex kull membru jista’ jirċievi minnha nutriment u qawwa għall-ġid tal-oħrajn (ara 1 Kor 12:20-27); kif ukoll ma’ dik tal-binja spiritwali li dwarha kellimna t-Tieni Qari, mibnija fuq il-blata soda li hu Kristu (ara 1 Piet 2:4-9).

Fil-bejta bieżla ta’ Sant’Anselmu, ħa jkun dan il-post li minnu kollox jibda u lejh kollox jirritorna biex isib verifika, konferma u approfondiment quddiem Alla, kif irrakkomanda San Ġwanni Pawlu II, fiż-żjara tiegħu lill-Atenew Pontifiċju fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju mit-twaqqif. B’riferiment għall-Qaddis Patrun tiegħu huwa qal: “Sant’Anselmu jfakkar lil kulħadd […] li l-għarfien tal-misteri divini mhuwiex tant kisba tal-ġenju uman, daqskemm pjuttost don li Alla jagħmel lill-umli u lil min jemmen” (Diskors, 1 ta’ Ġunju 1986).

Photo: Vatican Media

Kien qed jirriferi, kif intqal, għat-tagħlim tad-Duttur ta’ Aosta, imma aħna rridu nawguraw li dan ikun ukoll il-messaġġ profetiku li minn din l-Istituzzjoni jasal għand il-Knisja u d-dinja, bħala twettiq tal-missjoni li lkoll kemm aħna rċivejna, li nkunu poplu li Alla kiseb għalih biex ixandar l-għeġubijiet tiegħu, li sejħilna mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (ara 1 Piet 2:9).

Id-Dedikazzjoni hija l-mument solenni tal-istorja ta’ binja sagra li fih nikkonsagrawh biex ikun post ta’ laqgħa bejn spazju u żmien, bejn dak li jintemm u dak li ma jintemmx, bejn il-bniedem u Alla: bieb miftuħ għall-etern, li fih issib tweġiba għar-ruħ it-“tensjoni bejn ir-rabta flimkien tal-mument u d-dawl taż-żmien, tax-xefaq iktar kbir, […] li tiftaħna għall-futur bħala kawża finali li tiġbed lejha” (Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 222) fil-laqgħa bejn milja u limitu li ssieħeb il-mixja tagħna fuq din l-art.

Ritratt: Vatican Media

Il-Konċilju Vatikan II ifisser dan kollu f’waħda mill-isbaħ paġni tiegħu, meta jiddefinixxi l-Knisja bħala “umana u divina, viżibbli iżda mogħnija b’realtajiet li ma jidhrux, imħeġġa fix-xogħol u mehdija fil-kontemplazzjoni, preżenti fid-dinja iżda wkoll miexja lejn is-Sema; […] b’mod illi dak li fiha huwa uman huwa ordinat u subordinat għal dak li hu divin, dak li jidher għal dak li ma jidhirx, l-azzjoni għall-kontemplazzjoni, ir-realtà preżenti għall-belt li għad trid tiġi u li aħna qegħdin infittxu” (Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 2).

Hija l-esperjenza tal-ħajja tagħna u tal-ħajja ta’ kull bniedem ta’ din id-dinja, aħna u nfittxu dik it-tweġiba aħħarija u fundamentali li “la d-demm u lanqas il-laħam” ma jistgħu juru, imma biss il-Missier tas-Sema (ara Mt 16:17); żgur li fil-ħtieġa ta’ Ġesù, “il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (v. 16). Lilu aħna msejħin infittxu u lilu aħna msejħin inwasslu lil dawk kollha li magħhom niltaqgħu, grati għad-doni li sawwab fuqna, u fuq kollox għall-imħabba li biha hu mexa qabilna (ara Rum 5:6). Dan it-tempju allura jsir dejjem iżjed ukoll post ta’ ferħ, li fih inħossu l-ġmiel li naqsmu mal-oħrajn dak li b’xejn irċivejna (ara Mt 10:8).

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard