L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Fariżej għandhom kurżità kbira, il-kurżità tagħhom hi biex ikunu jafu meta se tiġi s-saltna li ħafna drabi jsemmi Ġesù. Diversi tixbihat, parabboli li kien juża, kien jgħid, is-saltna t’Alla tixbah meta għallem lilna d-dixxippli tiegħu nitolbu, għallimna nitolbu tiġi saltnatek. Imma din is-saltna meta ġejja, jgħidulu? Hu jinsisti li s-saltna li qed jitkellem fuqha mhijiex xi ħaġa sensazzjonali. Aħna mdorrijin bil-kriterju tad-dinja, nimmaġinaw li s-saltna tfisser poter, forsi xi ftit arroganza, xi ftit ‘fake news’ jew xi ‘fake profile’, li s-saltna tagħmlek bilfors sinjur u malajr u bil-qerq jew li s-saltna tfisser li taħkem fuq ħaddieħor billi tumiljah.
Is-saltna ta’ Ġesù hi totalment differenti u jinsisti li diġà qiegħda fostna imma allura x’inhi din is-saltna? Meta tkellem dwarha uża tixbihat sempliċi ħafna. It-tixbihat tal-bidu ċkejken u umli, il-ħmira, iż-żerriegħa tal-mustarda, id-dawl inemnem. Għal Ġesù dawn it-tixbihat sempliċi u umli huma s-saltna imma qal ukoll li hi xi ħaġa prezzjuża bħal ġawhra li wieħed isib f’għalqa li jbigħ kollox biex jixtri lilha. Għalik is-saltna x’tista’ tkun?
“Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru; lanqas ħadd mhu se jgħid: “Arawha, hawn”, jew: “Hemm”, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda!” (Lq 17 20:21)

Ippermettuli jiena u nawguralkom ħafna f’dan il-mument tal-formazzjoni tagħkom kif nawgura wkoll lill-ġenituri u ħbieb li qegħdin magħkom illejla, nagħtikom xi ftit pariri kif tistgħu tgħixu s-saltna. L-ewwel nett nagħżlu l-għerf fuq il-bluha. L-ewwel qari li smajna huwa innu sabiħ ħafna għall-qawwa tal-għerf. L-għerf mhuwiex xi ħaġa arroganti imma xi ħaġa li timlielek ħajtek, il-qalb tiegħek b’togħma tajba. B’ta’ min fil-ħajja jagħżel is-sewwa, jagħżel it-tjubija, jagħżel is-sbuħija, jagħżel il-verità, jagħżel il-ġustizzja. Dak huwa l-għerq ta’ kull għerf. Il-bluha taljenak, il-bluha tipperswadik li tista’ tasal mingħajr sforzi u billi tqarraq minn hawn u minn hemm, mhux xorta tasal? Dik hi bluha, dik hi frugħa.
L-ewwel parir tiegħi għalikom hu biex inħaddmu s-saltna li qiegħda fostna li hi li nħaddnu l-għerf ta’ min jagħżel is-sewwa. It-tieni parir li nixtieq naqsam magħkom għax naf kemm għandkom għal qalbkom dak kollu li tgħallimtu, l-eżempji sbieħ li ħadtu u kemm issewdu qalbkom meta anke fl-ambjenti tagħkom ikun hemm min jonqos mill-integrità u mit-tjubija. Is-swied ta’ qalb tagħkom hu sinjal tal-għatx għall-ġustizzja. Jiena nissuġġerilkom li intom u tagħżlu s-sewwa, it-triq ta’ min jaqla’ ħobżu bl-għaraq ta’ ġbinu u mhux bis-serq, tħallu d-dinja aħjar milli sibtuha. Din hija sfida li nagħmel lili nnifsi u ppermettuli nagħtiha wkoll bħala suġġeriment li għandu jgħinkom f’ħajjitkom. Qisu li f’dak kollu li tagħmlu, dak kollu li tgħixu, fl-imħabbiet tagħkom, kif tistmaw lil xulxin, kif tieħdu ħsieb xulxin, kif tgħixu r-responsabbilitajiet li jkollkom, tgħidu u tistaqsu u tipperswadu lilkom infuskom din il-ħaġa; hemm bżonn li nħalli d-dinja aħjar milli sibtha.

Ħafna drabi biex infiehem lili nnifsi xi jfisser dan, inħares lejn l-għelieqi – inħobb nammira s-siġar, għaliex ħawwilt xi tnejn jew tlieta f’ħajti anke biex niċċelebra xi avvenimenti u tarahom jikbru. Jiddispjaċik meta xi maltempata tħawwadhom u tkasbarhom u inti tifhem li jekk ħawwilt siġra, ħallejt id-dinja aħjar milli sibtha. Jekk qaċċatha, kissirt dak li ħawwel ħaddieħor. Tkunx inti li tqaċċat il-persuni ta’ madwarek imma ħawwel, kabbar u għin.
Il-kuntatt personali għandna bżonnu daqs il-ħobż u l-ilma għax inkella r-ruħ tagħna tidbiel.
It-tielet u l-aħħar parir li nixtieq inħalli fil-qalb tagħkom; qisu li f’din id-dinja virtwali, tal-AI, ta’ tant kuntatti diġitali, ma titilfu qatt il-gost tal-ħbiberija vera, tal-kuntatt uman. Eżamina lilek innifsek, bħalma kultant ikolli nagħmel jien, kemm sigħat għaddejt il-ħin kollu tħares lejn smartphone jew monitor u kemm għamilt taqsam ħajtek ma’ xi ħadd li tħobb, tisimgħu jew tħallih jisimgħek jew tisimgħek?
Il-kuntatt personali għandna bżonnu daqs il-ħobż u l-ilma għax inkella r-ruħ tagħna tidbiel. Ejjew nużaw it-teknoloġija straordinarja li għandna f’idejna, ejjew inħaddnu l-progress tal-umanità, mingħajr ma nitilfu dak li jagħmilna tassew bnedmin, qalb li tħobb, għajnejn li jafu jitbissmu u jibku, xufftejn li jafu jgħidu kelma u jafu jisktu, qalb li tħabbat bi mħabba għall-proxxmu.

Uħud minnkom se jagħmlu t-talb għalina lkoll u nixtieq li nitolbu lill-Mulej biex ibierek l-isforzi tagħkom u jberikkom ukoll fil-futur tagħkom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 7:22 – 8:1
Salm: 118 (119):89,90,91,130,135,175
L-Evanġelju: Lq 17:20-25




