L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli nislet riflessjoni qasira, l-ewwel għalina personali mbagħad għalikom bħala korpi dixipplinati tal-pajjiż, mit-tliet ismijiet tal-Arkanġli li qed niċċelebraw illum.

Illum qegħdin nagħmlu l-festa, bħalma nagħmlu kull 29 ta’ Settembru, lill-Arkanġlu San Mikiel, l-Arkanġlu Gabrijel, u l-Arkanġlu Rafel. L-ismijiet tagħhom ifissru l-missjoni li Alla fdalhom. Mikiel ismu jfisser ‘min hu bħal Alla – Mikhael’, Gabrijel ifisser ‘il-qawwa ta’ Alla’ u Rafael ifisser ‘il-mediċina t’Alla’ jew  ‘Alla jfejjaq’. Dawn it-tliet ismijiet u t-tifsira tagħhom għandhom messaġġ għall-ħajja personali tagħna.

L-Arkanġlu Mikiel ifakkarni li jiena għandi bżonnu lil Alla. Nista’ ngħix ħajti mingħajr Alla. Imma jekk irrid ngħix ta’ nies, l-aħjar mod u l-aħjar triq, hi li jkolli lil Alla bħala xhud u bħala mexxej. Min hu bħal Alla? Fuq Alla m’hemm ħadd. U allura jekk jiena jkolli nagħżel jaqbilli dejjem nagħżel dak li Alla jixtieq minni. Alla jgħallimni nħobb lilu, inħobb lili nnifsi u nħobb lill-għajri bħali nnifsi. Jekk tmexxini l-imħabba, għax Alla huwa mħabba, ikun qed imexxini Alla – l-imħabba diżinteressata ta’ servizz.

Gabrijel ifakkarni li l-qawwa veru tiegħi qiegħda f’Alla mbierek u fis-sewwa. Jekk jiena ma nogħtorx fit-triq tas-sewwa jkolli l-qawwa li ġejja minn Alla u allura anke fit-taħbit tal-ħajja ma nħossnix abbandunat imma nħossni mwieżen bil-qawwa t’Alla. Imma aħna dgħajfin. Il-ħajja kultant tferina, tweġġagħna. Iweġġgħuna sħabna, tal-familja, ċirkostanzi differenti. Ngħaddu anke minn mard fiżiku u psikoloġiku. U hemmhekk tajjeb li niftakru fit-tielet Arkanġlu, Rafael, ‘Alla jfejjaq.’ Għax aħna għandna bżonn il-fejqan kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

Tajjeb  niftakru fl-ismijiet ta’ dawn it-tliet arkanġli u nitolbuhom biex imexxu ħajjitna. X’inhu l-messaġġ ta’ dawn it-tliet Arkanġli għalikom korpi kostitwiti distinti biex tħarsu l-pajjiż, tindukrawh, tirrimedjaw fejn hemm l-inġustizzja, tassiguraw is-sigurtà tal-pajjiż u l-ġustizzja?

L-ewwel nett tiftakru fl-Arkanġlu Mikiel li hu wkoll id-difensur tal-poplu ta’ Alla. Qisu li l-missjoni tagħkom tkun dik li tindokra u tieħu ħsieb taċ-ċittadini. Mhijiex sejħa la għall-arroganza u lanqas għas-suppervja l-missjoni tagħkom. Imma tafu li biex taqdu lill-pajjiż tridu taqduh fis-sewwa.

Nieħu pjaċir ninnota li fil-formazzjoni tagħkom, hemm ukoll il-formazzjoni fl-etika tal-qasam individwali partikolari tagħkom. L-etika hija dik li tgħallmek tagħmel it-tajjeb u tevita l-ħazin. Ftakru li intom għandkom bżonn il-protezzjoni ta’ San Mikiel għaliex il-ħajja u x-xogħol u l-professjoni tagħkom tlaqqagħkom mal-ħażen. Tlaqqagħkom ma’ min l-intelliġenza li tah Alla jużaha mhux għall-ġid imma għall-ħażen.

U allura l-battalja li qed tiġġieldu f’isem l-istat u f’isem is-sewwa mhijiex il-battalja tagħkom biss. Imma hija l-battalja taċ-ċiviltà kontra l-barbarja, hi l-battalja tas-sewwa kontra l-għawġ, il-korruzzjoni, il-gideb u l-ħażen. Il-missjoni tagħkom fil-qasam partikolari tagħkom hija essenzjali.  Imma daqskemm hija essenzjali hija diffiċli. U allura għandkom bżonn ukoll il-protezzjoni mhux biss li tagħżlu t-tajjeb imma għandkom bżonn ukoll il-ħarsien, il-ħarsien t’Alla, tal-Arkanġli u anke tal-istat.

Meta tħarsu lejn l-Arkanġlu Gabriel, ‘il-qawwa ta’ Alla’, ifhmu li intom qed tużaw il-qawwa tal-liġi, u tad-dritt u kultant ikollkom bżonn tużaw il-forza. Gabrijel jgħallimkom tużaw il-forza mhux b’sens ta’ kattiverja imma fejn hemm bżonn biex tiddefendu l-pajjiż, tiddefendu ċ-ċittadini, teżegwixxu s-sentenzi ġusti tal-qrati tagħna, tiddefendu l-pajjiż mill-attakki tal-għadu. Imma fuq kollox li taħdmu flimkien, f’kooperazzjoni bejnietkom, li mhux dejjem faċli, imma hija importanti, biex aħna jkollna ħajja fis-sigurtà. Gabrijel jiddefendikom intom u tużaw il-forza skont il-liġi u għall-finijiet tal-liġi.

Rafael, intom u tħaddmu l-professjoni tagħkom, hi x’inhi, kunu afu li intom strumenti mhux  biex tweġġgħu lill-proxxmu imma biex tgħinuh jgħix ħajja aħjar. Jasal għall-punt tal-fejqan radikali. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-fejqan. Ilkoll kemm aħna għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Ix-xogħol tagħkom f’kull qasam tal-professonijiet distinti tagħkom ilaqqagħkom ma’ sitwazzjonijiet umanament diffiċli. U allura  anke l-impatt tal-esperjenza tax-xogħol, jeħtieġ li jkollkom is-sapport biex it-trawma li tgħaddu minnha minħabba ix-xogħol tagħkom, l-istress li jġib ix-xogħol tagħkom ikollu wkoll risposta ta’ sapport u fejqan. Aħdmu fuqha din il-ħaġa.

Mhux sew li intom li tagħtu ħajjitkom għall-pajjiż. Tgħidli ‘Jiena biex naqla’ sold, Father, wara kollox.’ Tajjeb hekk għandu jkun. Imma ifhem, li għalkemm qiegħed f’dax-xogħol biex ikollok il-ħobżna ta’ kuljum għalik u għal familtek, qed tagħti wkoll servizz lis-soċjetà. Imma x-xogħol tagħkom f’kull qasam tal-forzi dixxiplinati ser ilaqqagħkom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Intom tgħallmuni m’hemmx għalfejn ngħidilkom jien. U allura nitlob fuqkom il-fejqan u anke li jkollkom is-sapport neċessarju biex tkomplu x-xogħol tagħkom u mix-xogħol tagħkom toħorġu sostnuti u mhux mkissra.

Għalhekk nitolbu llum l-protezzjoni tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel, u Rafel u nitolbu wkoll fuq pajjiżna, f’din is-sena tal-grazzja għad-don tar-rikonċiljazzjoni, il-maħfra u is-sikurezza.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Apok 12:7-12a
Salm: 137:1-5
L-Evanġelju: Ġwanni 1:47-51

Aktar ritratti