L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Kien fi triqtu lejn Ġerusalemm meta Ġesù “għadda jgħallem f’xi bliet u fl-irħula” (Lq 13:22). San Luqa jfakkarna li Ġesù kien qiegħed miexi lejn Ġerusalemm, u din mhijiex sempliċiment indikazzjoni ġeografika tat-triq li minnha kien għaddej u l-post fejn kien se jasal. Ġerusalemm hu l-post tal-passjoni, tal-mewt u tal-qawmien tiegħu. Kull pass li jagħmel Ġesù hu pass lejn it-twettiq tal-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni.
Il-mistoqsija importanti
L-Evanġelju jurina lil Ġesù li f’din it-triq, ikompli għaddej minn diversi postijiet biex iwassal il-Bxara t-Tajba. Kien tul din it-triq li wieħed mill-folla staqsieh: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” (Lq 13:23) Din hi mistoqsija antika. L-enfasi hawn hi fuq in-numru, iċ-ċifra, l-istatistika. Nafu aħna wkoll, fil-ħajja tal-fidi u tal-Knisja fi żminijietna, li spiss niltaqgħu ma’ min jiffoka fuq in-numri u jara kollox b’termini ta’ numri.
Hawn dar-raġel ried ikun jaf jekk humiex ftit jew ħafna dawk li jsalvaw. Imma Ġesù ma jagħtix risposta diretta. Ma jgħidlux jekk hux ftit jew ħafna. Minflok, hu jindika l-mistoqsija vera li għandu jagħmel dar-raġel, u li għandna nagħmlu aħna: mhux “kemm” imma “jien se nkun fost dawk li jsalvaw?”. L-Evanġelju jdur dejjem fuq id-deċiżjoni personali, fuq il-konverżjoni tiegħi u tiegħek.
Tħabtu
Ġesù mbagħad jagħmel żewġ punti importanti għal din id-deċiżjoni personali. L-ewwel nett jgħid: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq” (Lq 13:24). Għalhekk qed jgħid li għandna nitħabtu; u qed jgħid li l-bieb dejjaq.
Meta jgħid “tħabtu”, il-kelma li juża Ġesù hi qawwija. Qed jgħid li għandna naħdmu bis-serjetà biex ikollna l-ispirtu tiegħu. Irridu nistinkaw, mhux nintelqu mal-kurrent. Din tfisser dixxiplina, perseveranza. Is-salvazzjoni mhijiex xi ħaġa rħisa. Teħtieġ mixja, sforz, u fuq kollox umiltà u fiduċja fil-grazzja ta’ Alla.
Il-“bieb id-dejjaq” ma jfissirx li Ġesù jrid jagħmilha diffiċli biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Mhuwiex dejjaq biex jeskludi. Tant hu hekk li Ġesù stess jgħid, fl-aħħar tas-silta, li “jiġu nies “mil-Lvant u l-Punent, mit-Tramuntana u n-Nofsinhar” (Lq 13:29). Imma jsejjaħlu “dejjaq” biex jurina li hemm bżonn li nġorru inqas piżijiet, li nneħħu l-arroganza, l-egoiżmu, il-kburija. Il-bieb hu dejjaq għax min jidħol ma għandux ikun imkabbar, imma għandu jkun umli, disponibbli għall-imħabba.
L-enfasi fuq il-qalb sinċiera mimlija mħabba
Ġesù mbagħad isemmi punt ieħor tassew importanti. Isemmi lil min iħoss li hu familjari mal-Mulej, u għalhekk jgħidlu: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna” (Lq 13:26). Imma ara r-reazzjoni qawwija tal-Mulej: “Ma nafx mnejn intom. Morru minn quddiemi intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!” (Lq 13:27)
Ġesù qed jgħid: hi l-qalb li tgħodd, mhux dak li jidher minn barra waħdu. Jekk ta’ barra ma jkunx espressjoni ta’ qalb mimlija mħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, il-qoxra ta’ barra ma tgħoddx.
Ħa nsemmi eżempju: il-festi reliġjużi li niċċelebraw fil-parroċċi u l-knejjes tagħna. Bħalissa fis-sajf diġà saru diversi ċelebrazzjonijiet ta’ festi, u baqa’ ftit oħra. Huma okkażjonijiet sbieħ, u l-iskop tagħhom hu li jkunu tassew espressjoni ta’ fidi u ta’ ħajja Nisranija. Imma jekk ikun hemm min ikun kuntent bl-apparenza, b’dak li jidher minn barra, u jiġi fejn il-vara nhar il-festa, imma l-bqija tas-sena jkun ’il bogħod mill-fidi, mill-knisja, hemm l-iktar ħaġa importanti nieqsa: qalb li tkun viċin ta’ Alla, qalb mimlija mħabba.
Ta’ barra għandu jkun espressjoni ta’ dak li hemm fil-qalb. Fuq dan li aħna rridu nitħabtu: biex il-ħajja tagħna tkun tassew togħġob lil Alla u tfittex dak li hu sewwa.
Ġesù jagħtina din ix-xena sabiħa fl-Evanġelju: “Jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu mal-mejda fis-Saltna ta’ Alla” (Lq 13:29). Dawk li kienu maħsuba barra se jidħlu ġewwa, u xi wħud li kienu ċerti li huma ġewwa se jsibu ruħhom barra. Dan hu l-mod kif taħdem il-ħniena ta’ Alla: dejjem tissorprendi, dejjem tmur lil hinn mill-kalkoli tagħna. Alla ma jħarisx lejn xi kwalifika tagħna, imma lejn qalbna.
Il-bieb hu Ġesù nnifsu
Xi drabi jista’ jkun li dan l-Evanġelju jbeżżagħna, speċjalment meta nisimgħu li l-bieb dejjaq. Imma ma rridux ninsew li hu l-Mulej Ġesù nnifsu l-bieb. Huwa qal: “Jiena hu l-bieb. Jekk xi ħadd jidħol permezz tiegħi, isalva” (Ġw 10:9). Dan ifisser li l-bieb mhux magħluq, imma hu miftuħ għal kull min ifittex lil Alla b’qalb sinċiera, għax hu magħmul minn Ġesù nnifsu li fetaħ idejh fuq is-salib biex jilqa’ lil kulħadd. Ngħaddu minnu jekk aħna jkollna l-ispirtu tiegħu tassew.
Ġesù jistedinna biex nidħlu minn bieb dejjaq li jwassal għal ferħ kbir. Dan il-bieb mhu magħluq għal ħadd, iżda jeħtieġ qalb umli, qalb li taf tistinka, qalb li taf tħalli kollox f’idejn Alla. Ma nistgħux nidħlu minnu lebsin maskra. Jeħtieġ nidħlu bil-qalb.
Nitolbu lill-Mulej biex nagħmlu ħilitna ħalli nkunu fost dawk li “joqogħdu mal-mejda” fis-Saltna tiegħu. Hemmhekk se niltaqgħu ma’ nies minn kull pajjiż, kull kultura, kull sfond – salvati kollha mill-ħniena tiegħu. U hemmhekk, b’qalb mimlija ferħ, nistgħu ngħidu: “Iva Mulej, għaddejt mill-bieb dejjaq, imma int erfajtli post mal-mejda tiegħek.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta